Lokali Parlament

€176,000 f’direct order għal muturi ‘second hand’ għall-Korp tal-Pulizija

(Ritratt mill-arkivji)

Bejn Marzu 2013 u Lulju 2015 inxtraw 20 mutur tad-ditta BMW, għas-sezzjoni tat-traffiku tal-Korp tal-Pulizija b’direct order mingħand Regina Auto Dealer għas-somma ta’ €176,000. Dawn il-muturi kellhom bejn 19,000 u 60,000 mil kull wieħed meta nxtraw mill-Ingilterra.

Dan it-tagħrif ħareġ wara mistoqsija parlamentari li l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami għamel lill-Ministru Carmelo Abela.

Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li dawn l-istess muturi ġew offruti dirett mis-supplier lill-Korp tal-Pulizija, għas-somma ta’ 3,900 sterlina. Imma minkejja dan, ittieħdet id-deċiżjoni li jingħata direct order lil Regina Auto Dealer biex minflok ġew iffrankati l-flus, tħallsu iktar permezz ta’ direct order.

L-iktar ħaġa inkwetanti għall-Pulizija li jsuqu dawn il-muturi, hu l-fatt li dawn il-muturi li nxtraw, minkella l-prezz għoli li tħallas għalihom, huma second hand.

Persuni qrib il-Korp tal-Pulizija qalu li kieku nxtraw muturi ġodda, forsi wieħed jifhem dak li sar, imma li ngħata direct order għal somma hekk kbira biex inxtraw muturi second hand, hi xi ħaġa li ma titwemminx.

Jirriżulta wkoll li kien hemm biżżejjed żmien biex jinħareġ tender kif suppost isir, kif ukoll li l-Korp seta’ jiffranka ħafna flus kieku xtara dirett mingħand is-supplier mill-Ingilterra.