Lokali

€18-il miljun ta’ skandli li Muscat kien iħallas mill-flus dovuti tal-Home Ownership Scheme

Bit-€18-il miljun tal-iskandli ta’ Gaffarena, Cafe’ Premier u Australia Hall, Joseph Muscat kien iħallas ħafna mill-flus dovuti tal-Home Ownership Scheme; 600 familja jibqgħu jistennew flushom mill-Gvern, waqt li dawk viċin Muscat isiru sinjuri mill-lum għall-għada

Il-prijoritajiet tal-Gvern ta’ Joseph Muscat mhumiex il-familji Maltin u Għawdxin iżda dawk il-ftit individwi viċin tiegħu, biex jagħmilhom sinjuri mill-lum għall-għada. Dan joħroġ ċar mill-fatt li fl-ewwel sentejn tiegħu, Joseph Muscat għażel li jwaqqaf il-ħlasijiet li kienu qed jingħataw għall-artijiet taħt il-Home Ownership Scheme, iżda għażel li jwaqqa’ l-kawża li l-Gvern kellu kontra l-Partit Laburista dwar Australia Hall, kif ukoll seħħew l-iskandli ta’ Cafe’ Premier u dak riċentament ta’ Gaffarena.

Dan qalu l-Kelliem tal-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura Ryan Callus f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien max-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi ftit metri ‘l bogħod minn fejn il-Gvern għamel triq bil-konkrit għal Gaffarena, ħdejn waħda mill-artijiet li ngħataw fid-deal jinten b’riħa ta’ korruzzjoni li sar mal-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena.

Ryan Callus sostna li fi tweġiba parlamentari li għamel għall-mistoqsija tiegħu, l-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn, il-Gvern ma wettaq ġustizzja ma ebda familja, u ma ħallas għall-ebda art bħala parti minn din l-iskema. “Dan ifisser,” sostna Ryan Callus, “li fl-ewwel sentejn, il-Gvern għażel li jwaqqa’ l-kawża lill-Partit Laburista, li fisser li l-Partit Laburista ngħata rigal ta’ €10 miljun, jagħti €4.2 miljun lis-sid tal-Cafe’ Premier wara li dan in-negozju falla, jagħti €500,000 cash u 7 artijiet b’valur ta’ kważi €3 miljun lil Gaffarena iżda ma sab ebda ċenteżmu biex iwettaq ġustizzja mal-familji Maltin u Għawdxin.”

Hu sostna li t-triq li saret f’Ħal Qormi, hija konferma ta’ kemm dan il-Gvern huwa ‘Gvern ta’ Gaffarena’, u dan peress li filwaqt li l-familji Qriema ilhom jitkarrbu biex isiriluhom it-toroq tagħhom, il-Gvern għażel li f’temp ta’ ftit ġimgħat wara li tah l-art lill-Gaffarena, jagħmillu wkoll it-triq biex ikun komdu biex jaċċessaha.

Minn naħa tiegħu, Jason Azzopardi ta rendikont tal-ħidma li kienet saret mill-Gvern preċedenti li permezz tagħha, madwar 600 familja tħallsu tal-art li kienet insterqet mingħand il-familja tagħhom madwar 30 sena ilu, waqt li madwar 600 familja oħra saru sidien ta’ djarhom għall-ewwel darba. Hu sostna li bejn l-2009 u l-2012, il-Gvern kien ħallas madwar €8 miljun biex dawn il-familji li ġejjin setgħu jsiru sidien ta’ djarhom.

Hu sostna li kif kien ġie ddikjarat, il-pjan tal-Gvern kien li sal-2016, jiġifieri s-sena d-dieħla, l-Gvern ikun ħallas lill-familji kollha li kienet saret inġustizzja magħhom. Madanakollu, kif ġie spjegat, il-Gvern għażel, għal raġuni li jaf hu, li jwaqqaf dan il-proċess.

Jason Azzopardi temm jgħid li dan kollu jikkonferma kemm il-prijoritajiet tal-Gvern ta’ Joseph Muscat mhux veru huma l-familji Maltin u Għawdxin, iżda dawk il-ftit viċin tal-Prim Ministru u l-Ministri li qed isiru sinjuri mill-lum għall-għada minn fuq it-taxxi li jħallsu l-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin.