L-awtoritajiet fl-Awstralja ddikjaraw ‘gwerra’ fuq il-mijiet tal-eluf tal-qtates slavaġ li qed jiġru bla rażan, bil-Ministru għall-Ambjent, Greg Hunt, isostni li jridu jinqatlu ‘żewġ miljuni minn dawn il-qtates kbar’ biex isalvaw l-ispeċi tal-ħajja li spiċċaw taħt theddida.
L-inizjattiva ‘Threatened Species Strategy’ kienet introdotta waqt summit dwar il-‘wildlife’ f’Melbourne. Hunt, intant, qal li għandhom jintefqu l-miljuni tad-dollari fl-impenn għall-qerda tal-qtates slavaġ fil-gżejjer u z-zoni indikati tal-Awstralja.
Skont Hunt, dawn il-qtates feroċi wasslu għall-qerda ta’ 27 speċi ta’ ‘mammal’ li llum spiċċaw estinti. Intant, il-qtates inkwistjoni qed jheddu l-eżistenza ta’ xi 120 speċi oħra li jinkludu n-numbats, il-bandicoots, il-betongs u l-ispeċi tal-barbaġann ‘boobook’.
L-ewwel familji tal-qtates kienu introdotti fil-kontinent tal-Awstralja min-nies li marru jgħixu hemm fis-sekli sbatax u dsatax. Hu kkalkulat li llum, fl-Awstralja, hemm mat-30 miljun ‘wild cats’, li wħud fihom tlett darbiet akbar mill-qattus normali (tad-dar) waqt li jiżnu mal-15 il-kilogramma.
//= $special ?>