Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ħabbret li issa se tkun qed toffri servizz ta’ spa fuq it-titjiriet tagħha. Dan is-servizz se jkun mingħajr ħlas abbord it-titjiriet kummerċjali b’distanza qasira.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet li t-titjiriet KM 116/7 minn u lejn Gatwick f’Londra intgħażlu sabiex fuqhom jiġi introdott is-servizz abbord ‘esklussiv u innovattiv’ ta’ trattament ta’ spa li ebda linja tal-ajru oħra ma toffri mingħajr ħlas lill-passiġġieri li jivjaġġaw fil-klassi ‘economy’.
Is-servizz ta’ spa mingħajr ħlas qed jiġi introdott wara li ftit xhur ilu, l-Air Malta ħadet id-deċiżjoni li twaqqaf l-ikla sħuna b’xejn għal klassi ‘economy’ u minflok bdiet toffri bezzun u flixkun żgħir ilma. L-ikel sħun jista’ jinxtara biss.
L-Air Malta qalet li żewġ terapisti professjonali laqgħu lill-passiġġieri b’diversi kampjuni ta’ prodotti tas-sbuħija u aktar tard matul it-titjira provdewlhom trattament kumplimentari u lussiżi, inkluż masaġġi tal-idejn, tas-saqajn u tal-għonq – waqt li setgħu joqgħodu jisimgħu mużika rilassanti.
Il-linja nazzjonali tal-ajru ftaħret li l-inizjattiva kienet suċċess kbir u ħolqot ħafna interess fuq il-midja soċjali, speċjalment fuq Facebook, b’mijiet ta’ likes u shares.
L-Air Malta qalet li din l-esperjenza hija biss il-bidu u parti minn sensiela ta’ proġetti simili li ser tkun qiegħda tniedi l-Air Malta fil-futur qrib bil-għan li ttejjeb l-esperjenza tal-klijenti u turi li l-linja tal-ajru Jimpurtaha Aktar.
//= $special ?>

