Il-poter li għandu l-Kap tal-Aġenzija li l-Gvern waqqaf għas-sistema tal-infurzar lokali li tneħħiet minn idejn il-Kunsilli Lokali, inissel ħafna tħassib. Ma tridx forza biex tkkonvinċi li l-Gvern iddeċieda fuq persuna li l-ġudizzju tiegħu naqas meta kien afdat bit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi esprima dan it-tħassib tal-Oppożizzjoni meta fil-Parlament tkellem fid-dibattitu dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex jiġi emendat l-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern li jwaqqaf l-Aġenzija għas-Sistema ta’ Infurzar Lokali.
Jason Azzopardi fisser li r-raġuni m’hemmx bżonn tisfurzaha biex tirbaħ hekk kif semma li din hi l-persuna se tiddeċiedi kif isir l-infurzar nazzjonali fil-lokalitajiet.
L-Oppożizzjoni qed tkun mal-kunsilli lokali u r-residenti
L-Oppożizzjoni qed tkun mal-kunsilli lokali u r-residenti li jgħożżu l-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-awtonomija, b’anqas ċentralizzazzjoni u anqas burokrazija.
Ix-Shaodw Minister Jason Azzopardi semma kif l-Avviż Legali dwar it-twaqqif tal-Aġenzija għall-infurzar lokali qiegħed ineħħi l-poter tal-Kunsilli Lokali biex jgħaddih lill-Aġenzija tal-Gvern, se jnaqqas it-trasperenza, se jnaqqas l-awtonmija u jiċċentralizza l-poter lejn il-Ministru u jitbiegħed miċ-ċittadin u mill-Kunsilli Lokali.
Fisser li mozzjoni tal-Oppożizzjoni titkellem favur ir-residenti li jridu anqas burokrazija meta l-Avviż Legali se jżid il-burokrazija u li se tkun ta’ skumdità u tbatija bla bżonn b’ħafna taħwid u geġwiġija.
Għall-ewwel darba bla qbil mal-Oppożizzjoni dwar tibdil fl-infurzar lokali
Irrimarka wkoll li fuq liġijiet dwar l-infurzar lokali, dejjem kien hemm qbil bejn Gvern u l-Oppożizzjoni. Din hi l-ewwel darba dwar emenda radikali dwar infurzar lokali bla qbil u konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.
Jason Azzopardi nnota wkoll li fi 11-il klawsola tal-Avviż Legali ppubblikat mill-Gvern, il-Ministru jissemma tmien darbiet. Saħaq li dan mhux sew f’pajjiż immexxi minn Gvern li jsejjaħ lilu nnifsu liberali u kontra ċ-ċensura. Fisser li dan il-Gvern reġa’ ressaq lejh il-poter fis-sistema ta’ nfurzar tal-gwardjani lokali.
Ix-Shadow Minister irrimarka wkoll li meta gvern jindaħal aktar milli suppost u fejn m’għandux jindaħal bħala gvern, ir-riżultat aħħari jkun dejjem negattiv u li dan se jbatuh il-kunsilli lokali u r-residenti.
//= $special ?>