Twaqqaf pjan li Gvern Nazzjonalista kien beda jwettaq b’Ministeru fil-Gvern ta’ Muscat ħa binja fejn kellu jidħol l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
Il-Gvern m’għandux proposti dwar post ċentrali fil-belt kapitali minn fejn il-Kunsill Lokali tal-Belt jista’ jibda jaħdem wara li dan l-istess Gvern waqqaf kuntratt ta’ kirja li diġà kien iffirmat mill-amministrazzjoni preċedenti biex l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Belt ikollu l-binja tiegħu fil-Main Guard.
Il-pjan tal-Gvern preċedenti kien li mad-dinjità li ried jagħti lura lill-Palazz tal-President biċ-ċaqliq tal-Parlament biex is-sala tal-Parlament tinbidel f’sala tal-Armerija tal-Palazz; il-Kunsill Lokali tal-belt kapitali ta’ pajjiżna ukoll jingħata l-post ċentrali li jistħoqqlu, fil-Main Guard fi Pjazza San Ġorġ quddiem il-Palazz tal-President.
Il-pjan kien jinkludi wkoll li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien li jiċċaqlaq fil-binja quddiem il-Kamra tal-Kummerċ fi Triq ir-Repubblika, u dan wara li akkwista l-binja fejn qabel kien hemm l-uffiċċji tal-HSBC.
Kien ukoll identifkat il-bini ċentrali wkoll għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
B’dan l-akkwist, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li bħalissa hu maqsum fil-Main Guard u fil-Palazz tal-President, jibda jaħdem f’binja waħda u jagħmel il-wisgħa biex il-Main Guard jinbidel fis-sede tal-Kunsil Lokali tal-belt kapitali ta’ pajjiżna – post ċentrali u prominenti bħalma jgawdu bliet oħrajn Ewropej.
Dawn id-dettalji kienu żvelati llejla fil-Parlament mix-Shadow Minister Jason Azzopardi wara dibattitu li sar fil-ħin tal-mistoqsijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Kien il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokal David Agius, u x-Shadow Minister Claudio Grech li staqsew diversi mistoqsijiet lill-Ministru Owen Bonnici biex jispjega s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Kunsill Lokali tal-Belt, li għadu bla bini tiegħu u għadu jfittex post alternattiv għal dak li għandu llum.
Wara li x-Shadow Minister Claudio Grech staqsa lill-Gvern jekk kienx ġie terminat kuntratt li diġà kien iffirmat mill-Gvern preċedenti mal-Kunsill Lokali tal-Belt biex jidħol fil-bini tal-Main Guard, u x’postijiet alternattivi oħrajn qed jipproponi l-Gvern illum lill-Kunsill Lokali, il-Ministru Bonnici wieġeb li hu qed jistenna proposti għax fisser li ma jistax jagħti bini li ma jkunx ċentralli bħalma hu n-naħa ta’ Sant Iermu.
Hu qal li l-gvern ma jaqbilx mal-proposta li l-post li kien qed jiġi indikat biex l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jmur fi Strada Stretta, għaliex qal li dan se jiġi rinnovat biex Strada Stretta tiġi rinnovat għas-settur tal-kultura.
Pjan lest li tħarbat mill-Gvern tal-lum
Wara dan id-dibattitu li qam dwar is-sede tal-Kunsill Lokali tal-Belt lejlet li l-belt kapitali se tilbes il-libsa tal-Belt Kulturali Ewropea, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi spjega fil-Parlament il-pjan li kien qabel dwaru l-gvern preċedenti.
Jason Azzopardi qal li wara li l-binja li kienet okkupata mill-HSBC faċċata tal-Kamra tal-Kummerċ ġiet akkwistata, kien iffirmat kuntratt ta’ kirja mal-Kunsill Lokali tal-Belt, li jiġġedded kull sena. Il-Kunsil Lokali kien ukoll ħallas l-ewwel sentejn bil-quddiem, aktar minn €5,000, u ħallas ukoll għar-restawr tal-affreski fis-sular ta’ fuq fil-binja tal-Main Guard.
Semma li wara l-elezzjoni tal-2013, fit-3 ta’ Frartal-2014, is-Sindku tal-Belt kiteb ittra lill-Avukat Ġenerali jfakkru li f’Ottubru tal-2012 kien iffirma kuntratt ta’ kirja u biex jitolbu biex jidħol fil-bini tal-Main Guard.
Ir-reazzjoni tal-Gvern kienet li f’April tas-sena li għaddiet, ġie tterminat il-kuntratt tal-kirja lill-Kunsill Lokali tal-Belt.
Li ma qalx il-Gvern, qal Jason Azzopardi, li l-binja fi Triq ir-Repubblika fejn kellu jiċċaqlaq l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ġiet okkupata minn ministeru u kieku ma seħħx dan, l-uffiċċju tal-AĠ kien ikun kollu l-bini quddiem il-Kamra tal-Kummerċ u mhux kif qal il-Gvern li l-post kien indikat fi Strada Stretta.