Internazzjonali

Iwaqqfu lir-Re Sawdi milli jaħtaf bajja Franċiża għalih waħdu

Bħalissa, għaddejja tilwima bejn grupp kbir ta’ għawwiema Franċiżi u r-Re Salman tal-Arabja Sawdija, li jinsab akkużat li ‘ħataf għalih’ bajja pubblika fl-inħawi tar-Riviera qabel żjara pendenti fi Franza.
Il-Bajja ta’ Mirandole tgħaddi minn maġenb il-villa lussuża tar-Re fir-Riviera u r-residenti lokali qed jheddu li jħarrku lil Salman talli hu qed jipprova jimblokka mina li twassal għal din il-bajja (li hi art tal-pubbliku) bil-wire fencing. Il-bajja partikolari tinsab bejn Antibes u l-belt ta’ Cannes.
In-nies huma anki rrabjati għall-fatt li l-ħaddiema bdew ħidma ta’ kostruzzjoni illegali fuq biċċa konkrit enormi li għandha tkopri, almenu, nofs ir-ramel tal-bajja.
Ir-rapporti mill-inħawi qalu li l-ħaddiema, issa, tellgħu il-fences madwar il-konkrit u qed ikomplu bix-xogħol relatat.
Sadanittant, l-għawwiema lmentaw li l-istorbju u t-trabijiet fl-inħawi qed itellfuhom milli jgawdu l-ġmiel naturali tal-bajja. Xi kelliema qalu wkoll li l-ħaddiema infurmaw lil mara partikolari ‘li għandha tieħu ħsieb li tgawdi l-ftit li fadal għaliex dalwaqt hi ( u l-għawwiema) m’humiex se jkollhom aċċess għall-bajja’.
Jingħad li dan kollu qed isir bħala parti mill-pjan tal-Irjali Sawdi ‘biex ikollhom din il-bajja għall-użu esklussiv tagħhom’ fiż-żmien kollu li huma jqattgħu fl-inħawi.
Iżda n-nies qed jinsistu li ‘r-Re għandu jibqa’ fil-villa jekk m’hux konvint mis-sigurtà tiegħu’. Min-naħa tagħha, is-Sindku ta’ Vallauris, Michelle Salucki, sejħet lill-pulizija li ntbagħtu biex iwaqqfu l-kostruzzjoni fuq il-bajja u jaċċertaw li l-aċċess għall-inħawi (permezz tal-mina) jibqa’ miftuh.
Il-liġi ta’ Franza tesiġi li l-bajja hi, ‘normalment’, miftuħa għall-għawwiema lokali kollha.