Tliet astronawti fuq l-International Space Station (ISS) kellhom jieħdu miżuri drastiċi biex isalvaw minn ‘sitwazzjoni kerha’. Dan meta l-Aġenzija tal-Ispazju Amerikana (NASA) irreferiet għal inċident fejn biċċiet ta’ satellita tat-temp antika tar-Russja għadda b’veloċità u viċin ħafna ta’ dik l-ISS.
L-astronawti kellhom jitilgħu fil-vettura spazjali ‘Soyuz’ li hi marbuta mal-istazzjon inkwistjoni, bil-fdalijiet tas-satellita jtiru minn maġenbu.
Il-periklu issa għadda, u l-ekwipaġġ tal-ISS qed ikompli bil-missjoni bħas-soltu wara li ngħata permess mingħand il-Mission Control. Ir-rapporti qalu wkoll li l-ekwipaġġ ‘kien ħiereġ’ mill-vettura ‘Soyuz’ li serviethom bħala kenn waqt ix-xita tad-debris f’dik iz-zona tal-ispazju.
L-ekwipaġġ jinkludi l-kosmonawti Russi, Gennady Padalka u Mikhail Kornienko, flimkien mal-astronawta Amerikan, Scott Kelly.
Ir-rapporti komplew li d-debris ma ħalla l-ebda impatt mal-ISS u li s-sistemi kollha tal-istazzjon qed jiffunzjonaw kif suppost.
In-NASA qalet li din kienet ir-raba’ darba fl-istorja tal-ISS (li ilu jiffunzjona għal 15 il-sena) li l-astronawti kellhom isibu kenn temporanju fis-‘Soyuz’ biex jevitaw id-debris itir fl-ispazju.
Jeħilsuha ħafif l-astronawti tal-ISS
