Lokali

Joe Mizzi għandu jippubblika l-ftehim dwar it-trasport pubbliku biex il-poplu Malti jkun jaf x’fih – il-PN

Il-Ministru Joe Mizzi ma jistax jibqa’ jdur mal-lewża u jiprova jwaħħal f’dak u fl-ieħor, iżda għandu, b’mod immedjat, jippubblika l-ftehim li l-Gvern iffirma dwar it-trasport pubbliku.

Fi stqarrija mix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Marthese Portelli, il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti għandu jkun jaf, iswed fuq l-abjad, x’fih il-kuntratt tat-trasport pubbliku u mhux joqgħod fuq il-propoganda tal-Ministru, f’kampanja li fiha għażel li juża l-kliem li jaqbillu bir-riżultat li n-nies fehmu l-oppost ta’ dak li verament hemm fil-kuntratt. L-Oppożizzjoni qalet li l-Ministru Joe Mizzi nganna lill-poplu Malti u Għawdxi meta ta x’jifhem li biljett ta’ sagħtejn ikun jista’ jintuża kemm-il darba f’dawk is-sagħtejn. Dan għaliex issa jirriżulta li persuna ma tistax taqbad l-istess linja f’dawk is-sagħtejn, għax inkella jkollha terġa’ tħallas mill-ġdid in-noll sħiħ.

Huwa ċar li dawk li jużaw it-trasport pubbliku m’humiex kuntenti bis-servizz il-ġdid li qed jiprovdi l-Gvern ta’ Joseph Muscat, u dan minkejja l-ħafna pompa li s-servizz tat-trasport pubbliku se jitbiddel b’mod radikali. Dan jikkonfermawh ir-rapporti kontinwi fuq il-media, kif ukoll l-ilmenti li jagħmlu dawk li jużaw is-servizz, kemm fuq is-social media kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir.

“Fid-dawl tal-fatt li l-Ministru Joe Mizzi mar Spanja jinnegozja mal-Autobuses de Leon qabel din ħadet il-kuntratt, fid-dawl li l-Gvern trippla s-sussidju li qed iħallas għat-trasport pubbliku, fid-dawl tal-ilmenti kontinwi mill-pubbliku, u fid-dawl tan-nofs spjegazzjonijiet li ta’ l-Gvern dwar in-nollijiet, il-Gvern għandu minnufih jippubblika l-kuntratt li ffirma, f’ġieħ it-trasparenza li tant tkellem dwarha Muscat qabel l-elezzjoni,” qal il-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-poplu Malti u Għawdxi jistenna li jkollu servizz tat-trasport pubbliku tal-aqwa kwalità – servizz li jixraqlu, komdu u fil-ħin – u dan wara kollox kif ġie imwiegħed ripetutament mill-Ministru nnifsu.