Lokali

Joħroġ ċar in-nepotiżmu li daħħal Muscat; Simon Busuttil f’laqgħa ma’ Sai Mizzi fiċ-Ċina

Aġġornata b’filmat ta’ intervista mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil

“Huwa importanti li l-investiment niksbuh f’oqsma ġodda li rridu niżviluppaw għal pajjiżna, madanakollu, dawn l-qosma għadhom ma bdewx jiġu kkunsidrati.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima din il-pożizzjoni b’mod ċar waqt laqgħa li kellu mal-Mibgħuta Speċjali u Konslu Ġenerali għal Malta f’Shanghai hekk kif bħalissa qed imexxi delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fiċ-Ċina.

Simon Busuttil huwa importanti li l-investiment barrani jinkiseb f’oqsma ġodda. Madanakollu, aktar minn hekk, in-negozji Maltin għandhom ikunu mgħejjuna jinvestu fi swieq barranin bħal dak Ċiniż. Madanakollu, minkejja li għaddew sentejn minn meta l-Mibgħuta Speċjali magħżula mill-Prim Ministru ntbagħtet iċ-Ċina, dawn l-oqsma għadhomx ma bdewx jiġu kkunsidrati.

Waqt il-laqgħa li delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kellha ma’ Sai Mizzi, ħareġ ċar in-nepotiżmu li daħħal Joseph Muscat fl-aħħar sentejn u nofs, b’karigi u jobs li ngħataw biss għaliex l-individwi huma viċin tiegħu, li qed iwassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jħallas il-miljuni ta’ ewro fis-sena għal dawn il-karigi, u lura, ma jieħux dak li jistħoqlu. Anke’ fil-każ ta’ Sai Mizzi, Muscat ipprefera jaqbad u jagħżel hu lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi minkejja li hi nieqsa mill-preparazzjoni xierqa biex twettaq ir-rwol mgħoti lilha u minkejja li kien hemm persuni oħra eleġibbli.

Matul il-laqgħa, li għaliha attenda rappreżentant tal-Ambaxxata Maltija fiċ-Ċina u persuna oħra mibgħuta apposta mill-Ministru Chris Cardona, ġew diskussi diversi temi biex Malta verament tikseb il-benefiċċji tal-investiment barrani u l-koperazzjoni internazzjonali.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Tonio Fenech qal li filwaqt li l-poplu Malti u Għawdxi ilu sentejn iħallas €13,000 fix-xahar għall-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, in-nuqqas ta’ riżultati huma prova ċara ta’ kemm il-Gvern ma jmexxix b’mod sew.

Iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fiċ-Ċina hi magħmula mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, mill-Kelliem tal-Affarijiet Barranin Tonio Fenech, mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Trevor Degiorgio, u minn Matthew Gatt, il-Head of Office tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ġiet fi tmiemha llum.