Mhix qed tipparteċipa f’dan l-istadju għaliex trid tisma’ l-ewwel lis-soċjetà ċivili
L-Oppożizzjoni se tibqa’ bil-pożizzjoni li ma tipparteċipax fid-dibattitu fil-liġijiet dwar l-ambjent li l-Gvern qiegħed iressaq fil-Parlament meta għadu għaddej il-perjodu ta’ konsultazzjoni, u dan biex tirrappreżenta u ssemma l-vuċi fil-Parlament tas-soċjetà ċivili li qed tinsisti li l-Gvern l-ewwel jistenna l-proċess ta’ konsultazzjoni qabel ma jiddibatti l-liġijiet fil-Parlament.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli, rrimarkat fil-Parlament dalgħodu li l-insistenza tal-Gvern li jibda d-dibattitu fil-Parlament, qiegħed idawwar il-proċess ta’ konsultazzjoni f’wieħed falz u ta’ ngann.
Marthese Portelli fissret li din il-ġimgħa qed niddiskutu fil-Parlament tliet liġijiet kif se jkun regolat l-iżvilupp u jitħares l-ambjent, bil-liġi tal-lum li qed titressaq fil-Parlament tittratta l-Att li jistabbilixxi Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar b’għan li jirrevedi d-deċiżjoniet tal-Awtorità tal-Ambjent u dik tal-Ippjanar. Liġi wkoll li tistabbilixxi l-proċeduri quddiem it-Tribunal u tipprovdi għall-appelli quddiem dan it-Tribunal.
Is-soċjetà ċivili talbet lill-Gvern jistenna l-konsultazzjoni tintemm qabel jiddibatti fil-Parlament
Fakkret lill-Parlament li l-Gvern kien mitlub mill-NGOs biex jiżdied iż-żmien ta’ konsultazzjoni biex jagħtu l-ħsibijiet u l-proposti tagħhom. Dan kien espress kemm fil-Kumitat Parlamentari kif ukoll mill-NGOs ambjentali u r-rappreżentanti wkoll tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi li kollha talbu li d-dibattitu fil-Parlament għandu jsir wara li jintemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni.
Marthese Portellii saħqet li din it-talba ma saritx biss fil-Kumitat Parlamentari iżda wkoll saru stqarrijiet b’appelli biex id-dibattitu fil-Parlament isir wara li tingħalaq id-diskussjoni.
Semmiet id-diversi għaqdiet li talbu biex id-dibattitu jsir wara l-konsultazzjoni. Irriferiet għall-istqarrija ta’ Din l-Art Ħelwa li ħarġet fit-8 ta’ Lulju, meta talbet biex id-dibattitu jsir wara l-konsultazzjoni.
Sostniet li jekk is-soċjetà ċivili qed titlob konsultazzjoni pubblika tajba biex wara jsir id-dibattitu, il-Parlament kellu l-obbligu li jirrispetta dak li qed titlob u tinsisti dwaru s-soċjetà ċivili.
Fakkret lill-Gvern ukoll li l-Għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar ukoll ikkritikat lill-Gvern b’nuqqas ta’ rispett għall-avviż qasir li ngħatat is-soċjetà ċivili biex jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari biex il-Gvern jikkonsulta malajr magħha.
Marthese Portelli staqsiet kif jista’ jkun li l-Membri Parlamentari eletti mill-poplu biex jirrappreżentah, jiġu l-Parlament u jagħmlu diskussjoni meta ma jafux x’qiegħed jgħid u x’qiegħed jistenna l-poplu.
Il-Membri Parlamentari qegħdin fil-Parlament għaliex huma fdati mill-elettorat
Fakkret li l-Membri Parlamentari qegħdin fil-Parlament għaliex huma fdati mill-elettorat, u għaldqstant id-dibattitu fil-Parlament għandu jirrispetta wkoll dak li tgħid u tesprimi s-soċjetà.
Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni mhix qed tipparteċipa dwar dawn il-liġijiet f’dan l-istadju, għaliex trid li tirrappreżentaw lill-poplu u tirrikonoxxi u tirrispetta t-talba u l-karba tas-soċjetà ċivili biex ma ssirx id-diskussjoni waqt li għadha għaddejja l-konsultazzjoni.
Ix-Shadow Minister saħqet li l-Gvern tilef opportunità għaliex wara li s-soċjeta ċivili qaltlu li dan mhux il-mod kif issir konsultazzjoni għaliex tixtieq li l-ewwel tintemm il-konsultazzjoni, il-Gevrn għażel li jagħmel l-oppost.
Dibattitu falz u ta’ ngann
L-Oppożizzjoni mhix qed tkun parteċipi f’dak li qed jitfisser bħala “a sham debate” u se tkun qed titkellem wara li tisma’ dak li qed tgħid is-soċjetà ċivili.
Fissret li l-Oppożizzjoni meta kien hemm bżonn li taġixxi, aġixxiet, ipparteċipat u m’oġġezzjonatx għalihom u ħadmet mal-Gvern.
Bħala eżempju ta’ din il-ħidma parteċipattiva tal-Oppożizzjoni, ix-Shadow Minister semmiet ix-xogħol li sar dwar il-liġi dwar it-tibdil fil-klima – liġi li tiffoka fuq l-ambjent b’qafas tajjeb. Semmiet ukoll li kien hemm punti li l-Oppożizzjoni ressqet f’emendi u li sabu wkoll il-qbil tal-Gvern.
Semmiet ukoll li din il-ġimgħa stess saret id-diskussjoni dwar il-liġi l-ġdida għat-twaqqif tar-Regolatur dwar l-Enerġija u l-Ilma, b’dibattitu san bl-Oppożizzjoni wkoll tressaq il-ħsibijiet tagħha bil-Gvern iwieġeb u jispjega għal ċertu tħassib li esprimiet l-Oppożizzjoni.
Enfasizzat ukoll li l-Oppożizzjoni, meta tressqu liġijiet u ideat li huma tajbin u li jirriflettu dak li għandu bżonn il-poplu, ivvutat favur, ipparteċipat u tat il-kontribut tagħha flimkien mal-Gvern.
L-Oppożizzjoni fi dmir li tisma’ l-karba tal-poplu
Iżda fejn is-soċjetà ċivili qed titlob li dibattitu jsir wara li tagħlaq il-kosultazzjoni pubblika, hu dmir tal-Oppożizzjoni li tisma’ l-karba tal-poplu u titlob lill-Gevrn li d-dibattitu jsir wara l-konsultazzjoni.
Jekk il-Gvern se jkomplu miexi bid-dibattitu issa u qabel ma tinħalaq il-konsultazzjoni, din hi responsabbiltà tal-Gvern waħdu, u l-Oppożizzjoni se tibqa’ mal-pożizzjoni tagħha li tirrappreżenta lis-soċjetà ċivili.
//= $special ?>