Internazzjonali

Nirien qalb foresta jheddu d-djar f’Ateni

L-iskwadri għall-emerġenzi fil-Greċja, qed jikkumbattu n-nirien qalb foresta fil-limiti ta’ Ateni, lejn il-Lvant. Sadanittant, numru ta’ skwadri oħra kienu qed jippruvaw jikkontrollaw in-nirien li qabdu fil-penisola ta’ Peloponnese, fejn kienu kostretti jaħarbu r-residenti tal-villaġġi.
In-nirien barra l-kapitali infirxu malajr, b’mod partikolari l-fjammi li qabdu fuq għolja. Dan waqt li partijiet ta’ Ateni spiċċaw koperti bid-dħaħen, bl-iskwadri għall-emerġenzi jippruvaw ibiegħdu l-fjammi miz-zoni residenzjali fil-viċin.
L-aħħar rapporti qalu li n-nirien barra Ateni kienu xprunati minn riħ qawwi u avvanzaw qalb il-foresta fuq l-għolja ta’ Hymettus, bin-nies taz-zona jaħarbu mir-residenzi.
Għalkemm in-nirien tal-foresta huma pjuttost komuni fil-Greċja, ir-rapporti sostnew li l-aħħar inċidenza tan-nirien kienet akbar minn dawk li qabdu fis-snin riċenti.