Edukazzjoni Lokali Parlament

Passi lura li jnaqqsu l-livell tal-edukazzjoni

Dubji u ansjetà għall-istudenti, ġenituri u għalliema dwar ir-rekwiżiti għall-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino appella lill-Ministru tal-Edukazzjoni jagħti risposti ċari biex ineħħi d-dubji u l-ansjetà tal-istudenti, ġenituri u għalliema dwar ir-rekwiżiti tal-istudenti fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, hekk kif hu evidenti li pass wara ieħor mhux qed nagħmlu passi ‘l quddiem iżda lura u li jnaqqsu l-livell tal-edukazzjoni f’pajjiżna.

Meta tkellem fl-Aġġornament fis-seduta ta’ dalgħodu fil-Parlament, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja fisser li r-risposta tmur lil hinn mill-informazzjoni korretta li seta’ jagħti l-Ministru.

Spjega li hu veru li sal-lum, studenti biex jidħlu fil-Higher Secondary, jekk ma jkollhomx wieħed mis-suġġetti obbligatorji jistgħu xorta jidħlu iżda jkunu marbuta li fi żmien sena jridu jġibu l-O Level f’dak is-suġġett li jkun jonqoshom.

Ix-xjenza m’għadhiex wieħed mis-suġġetti li bilfors irid ikollu student għall-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi
Fir-risposta, kompla jispjega George Pullicino, ikkritika l-attitudni li biha l-Ministru Bartolo tkellem b’mod ġenerali. Irrimarka b’kuntrast mar-risposta li ta l-Ministru, li meta tidħol fil-websajt tal-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi Giovanni Curmi ssib li fost ir-rekwiżiti llum, is-suġġetti tax-xjenza m’għadux wieħed mis-suġġetti li bilfors irid ikollu student.

Semma li skont il-websajt, il-ħames suġġetti meħtieġa jinkludu l-Ingliż, il-Mati, il-Matematika u żewġ suġġetti oħrajn. Imkien is-suġġett fix-xjenza mhu aktar bħala suġġett li bilfors li student irid ikollu, u jekk l-istudenti ma jkollhomx iridu jakkwistawh matul is-sena biex ikomplu javvanzaw bl-istudji tagħhom f’din l-istituzzjoni edukattiva.

Il-Ministru Bartolo jaħbi l-informazzjoni
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa x’qed jipprova jostor u jaħbi l-Ministru tal-Edukazzjoni li fissru bħala Ministru li għandu ħabta jitkellem b’ħafna trasparenza iżda meta titlob l-informazzjoni iswed fuq l-abjad, jagħti risposti camouflage u mhux lest li l-pubbliku jgħidlu l-affarijiet kif inhuma.

Fisser dan l-atteġġjament u d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu b’nuqqas kbir ta’ trasparenza, bħala pass ieħor lura fil-qasam tal-edukazzjoni. Ikkritika l-fatt li suġġett tax-xjenza m’għadux obbligatorju biex studenti jidħlu fil-Higher Secondary waqt li fisser li din id-deċiżjoni hi ‘l bogħod mill-politika li tindirizza lill-istudenti biex ikunu nkoraġġiti li jistudjaw suġġetti marbuta max-xjenza.
Appella biex ninko
raġġixxu lill-istudenti jagħżlu korsijiet tax-xjenza quddiem sitwazzjoni f’pajjiżna li fiha m’hawnx biżżejjed studenti li qed jagħżlu korsijiet relatati max-xjenza, u dan biex nilħqu wkoll il-miri ta’ pajjiżna f’dan il-qasam akkademiku. Esprima d-diżappunt tiegħu għall-atteġġjament ta’ Ministru li jwieġeb il-mistoqsija b’dak il-mod meta f’dokument pubbliku hu ċar li l-Ministru ma kienx korrett, u li hu nieqes mill-korrezzjoni ta’ kif għandna nimxu ma xulxin f’din il-Kamra.

Kollox qed isir bil-biċċiet u mingħajr viżjoni
Agħar minn hekk, kompla George Pullicino, mhux korrett fil-mod kif qed jaġixxi fl-informazzjoni li l-Gvern qed jagħti lill-poplu – lill-ġenituri, studenti u għalliema. Mexjin fl-edukazzjoni, saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, li kollox qed isir bil-biċċiet mingħajr viżjoni wiesgħa kif isiru l-affarijiet.

Ikkritika wkoll lill-Gvern li dokumenti li jagħtu viżjoni ilhom sentejn biex jiġu msajra, minkejja li għadda l-perjodu ta’ meta dawn suppost ġew konklużi u ppreżentati.

Risposta oħra li l-Ministru Evarist Bartolo ma kienx ċar u trasparenti dwarha, qal id-Deputat Nazzjonalista, kien dwar l-ischool leaving certificate biex jgħid jekk f’Settemrbu li ġej, l-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi hux se taċċetta studenti mingħajr ċertifikati tal-MATSEC iżda li jkun biżżejjed l-ischool leaving certificate f’level 3.

Appell lill-Ministru biex ikun ċar u trasparenti
Il-Ministru, qal id-Deputat George Pullicino, flok wieġeb iva jew le, ta risposta wkoll camouflage u sal-lum ħadd għad ma jaf jekk l-ischool leaving certificate level 3 hux biżżejjed u li m’hemmx bżonn ta’ ebda ċertifikat ieħor. Appella lill-Ministru jkun ċar u trasparenti u ma jħalliex sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ nuqqas ta’ informazzjoni għal nies li l-aktar għandhom bżonn din l-informazjzoni – l-istudenti, l-għalliema u l-ġenitur. Hu evidenti li pass wara ieħor mhux qed nagħmlu passi ‘l quddiem iżda lura u li qed inaqqas il-livell tal-edukazzjoni f’pajjiżna.

Il-Ministru jgħid le għall-parteċipazzjoni tal-Oppożizzjoni
Hu dan it-tħassib, li minflok il-Ministru jinvolvi lill-Oppożizzjoni li trid tagħti wkoll is-sehem tagħha, il-Ministru din il-ġimgħa fil-Parlament rajnih jgħid le għal rappreżentant nominat mill-Oppożizzjoni fil-Bord tal-Istutut għall-Edukazzjoni.

L-Oppożizzjoni temmen li għandha tagħti kontribut ukoll għaliex ma temminx fil-politika tal-Partit Laburista meta kien fl-Oppożizzjoni, li xxekkel u ma tipparteċipax iżda tikkritika biss lill-Gvern.
Sejjaħ il-pożizzjoni li ħa l-Gvern li joġġezzjona għall-parteċipazzjoni tal-Oppożizzjoni, bħala politika mhix serja, politika nieqsa mit-trasparenza u politika mmexxija minn ftit għal ftit.

L-Oppożizzjoni, saħaq id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, se tibqa’ tagħmel l-argumenti li temmen fihom biex l-edukazzjoni tkun mhux bil-paroli biss iżda tkun parteċipattiva bil-fatti.