Sport

Preżenza qawwija waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-MFA

Illum f’lukanda f’San Ġiljan saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA li kellha preżena qawwija tal-membri tal-klabbs. Il-laqgħa li kienet tinkludi diversi temi importanti fuq l-aġenda, nfetħet minn Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA li sellem fost l-oħrajn lil Joe Cassar, Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti u Giancarlo Abete, Viċi President tal-UEFA u eks-President tal-FIGC, li ntbagħat mill-UEFA bħala osservatur għal-Laqgħa.

Fl-indirizz tiegħu il-President feraħ lill-klabbs Maltin li pparteċipaw fil-partiti tal-UEFA, Birkirkara FC, Balzan FC u Valletta FC fl-Europa League u Hibernians FC fiċ-Champions League. Huwa qal li jħossu kburi li l-klabbs Maltin għamlu unur lil pajjiżna u faħħar b’mod speċjali l-wirja li għamlu Hibernians FC u Birkirkara FC.

“Ftit jafu li jien partitarju ta’ West Ham United. Iżda nassigurakom li xejn ma jagħtini aktar pjaċir kieku Birkirkara FC kellhom jeliminaw lit-tim Ingliż,” qal Darmanin Demajo.

Rapport Amministrattiv
Wara s-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Bjorn Vassallo, ppreżenta r-Rapport Amministrattiv u qal li l-Assoċjazzjoni hi “ħajja u progressiva,” u din kienet sena oħra ta’ ħidma favur l-iżvilupp u t-tiġdid tal-logħba f’pajjiżna.

Semma kif fit-13 ta’ Mejju ttieħed vot qawwi u unanimu fil-Kunsill tal-MFA biex kienet approvata riforma importanti mmirata lejn l-esiġenzi tal-plejers u l-klabbs.  Vassallo qal li l-Player Status Reform waslet wara li ftit tas-snin ilu l-MFA ippreżentat u mplimentat il-Financial Fair Play, regolamenti li jissalvagwardjaw il-finanzi u l-liċenzjar tal-klabbs.

Vassallo rrefera wkoll għal dak li seħħ fi Frar, meta l-MFA, il-klabbs kollha u r-rappreżentanti tal-plejers, iltaqgħu fi Djalogu Speċjali organizzat mill-UEFA bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti barranin fosthom il-FIFPRO u l-EPFL.

Semma wkoll kif matul l-istaġun li għadda l-MFA fakkret il-100 kampjonat tagħha li ntrebaħ minn Hibernians FC. Fl-aħħarnett fakkar li “waħda mill-ikbar sfidi li kellha u se jibqa’ jkollha l-MFA matul is-snin se tkun dik li nsalvaw l-integrità tal-logħba u ħadd u xejn mhu se jwaqqaf lill-MFA milli jkollha futbol nadif f’kull livell.” Rigward dan inħoloq Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali.
Ir-rapport kien approvat minn dawk kollha preżenti.

Profitt għall-MFA
Wara kien imiss ir-rapport finanzjarju għall-2015 moqri mit-Teżorier Ivan Mizzi u li ġie approvat b’mod unanimu. Kien rappurtat li l-MFA iġġenerat dħul ta’ €5.715,241 miljuni u ħruġ ta’ €4.918,320 miljuni. Dan ifisser li l-MFA fadlilha differenza ta’ aktar minn tliet kwarti ta’ miljun ewro (€796,921).

Kien dikjarat li l-ispejjeż finanzjarji tal-MFA, inkluż l-interessi ammontaw għal €168,418 u kien hemm hemm surplus ta’ €628,503. L-ispejjeż fil-klabbs (investimenti) kienu ta’ €2.278,740m L-ispejjeż maħruġa għall-kampjonati lokali ammontaw għal €549,903 waqt li kien hemm €808,636 bħala għotja mill-Gvern. Dan kollu jfisser li l-MFA kellha profitt f’cash ta’ €36,820

Eletti fl-Eżekuttiv
Matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA saret ukoll l-elezzjoni għall-membri tal-Eżekuttiv tal-MFA għall-istaġun 2015-16 fejn riedu jkunu eletti żewġ membri minn fost erba’ kandidati. Michael Cutajar (St. George’s) kien elett bi 62 vot flimkien ma’ Redino Apap (Qormi) li kiseb 53 vot. Paul Falzon (St. Andrews) bi 48 u Manuel Gauci (Żabbar SP) bi 42 kienu l-membri l-oħra li kkontestaw l-elezzjoni. B’kollox kienu eliġibbli 113-il vot li 112 kienu validi.

B’hekk l-14-il membru tal-kunsill li se jirrappreżentaw klabbs membri f’diversi kategoriji, bħala membri ordinarji fil-kumitat eżekuttiv għall-istaġun li ġej issa huma: Mario Debono u Paul Spiteri mill-Premier Division, Joseph Borg u Paul Zammit mill-Ewwel Diviżjoni, Angelo Chetcuti u Mark Pullicino mit-Tieni Diviżjoni, Raymond Micallef u Paul Sammut mit-Tielet Diviżjoni, Michael Cutajar u Redino Apap bħala membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-klabbs membri inġenerali, Joe Micallef rappreżentant tal-YFA, Samuel Azzopardi rappreżentant tal-GFA u Lawrence Aquilina u Carmelo Bartolo bħala membri tal-kunsill li jirrappreżentaw assoċjazzjonijiet oħra membri.

Aċċettata bħala membru
Matul din il-Laqgħa Ġenerali ntlaqgħet ukoll mozzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, imressqa mis-Segretarju Ġenerlai Bjorn Vassallo fejn il-Malta Masters Football ġiet aċċettata bħala membru fl-MFA wara li din l-assoċjazzjoni ssodisfat ir-rekwiżiti tal-artikolu 16 tal-Istatut tal-MFA.

L-Avukat Chris Bonett ressaq ukoll ħames proposti ġodda li kienu diskussi matul is-sena fil-Kunsill tal-MFA, liema proposti kienu approvati kollha qabel il-President Darmanin Demajo għamel id-diskor tal-għeluq.