Filmat
Minħabba l-kundizzjoni tiegħu John Agius ma’ jistax jimxi, u jkolli jagħmel użu minn scooter tal-elettriku biex ikun jista’ joħroġ barra minn daru.
Sibt lil John bilqiegħda fid-daħla tal-bieb tad-dar tiegħu fi Sqaq l-Ajkla. Jixxennaq li mhux biss iħares barra imma jkun jista’ joħroġ ukoll.
Għall-aħħar sena u tliet xhur John baqa’ ġewwa. Joħroġ biss meta jkollu bżonn imur l-isptar. Dan għaliex quddiem daru hemm biss ħofor u ġebel li jpoġġuh f’periklu li jaqa’. L-iscooter li juża biex imur l-isptar ftit li xejn jiswa’ għall-isqaq imħarbat, kollu ġebel u skart li wieħed isib eżatt quddiem biex John.
Mhux biss. Applika wkoll għand Transport Malta biex issirlu kaxxa safra quddiem il-bieb biex meta jkollu bżonn imur l-isptar ma jsibiex diffiċli jirkeb fil-karozza. Jispjega li biex joħroġ mid-dar u jidħol f’karozza jridu jqandluh żewġ persuni.
Kompla li quddiem id-dar tiegħu dejjem ikun hemm xi karozza jew oħra ipparkjata u li allura jagħmluha iktar diffiċli. Madankollu t-talba tiegħu ġiet rifjutata sempliċiment fuq proċedura burokratika.
John mhux jitlob xejn ta’ barra minn hawn. Tkarrab mal-kunsill tal-Marsa biex imqar tingħata kinsa lit-triq u jitneħħa l-ġebel biex b’hekk jonqos il-periklu. Imma s’issa baqa’ ma’ sar xejn.
“Tlabthom biex imqar jikinsu u jneħħu l-ġebel. Jekk noħroġ hawn jien se naqa. M’inix nitlob li jsir konkrit jew tarmak ta’, imqar kinsa li tiswa’ ferm inqas xogħol u flus,” spjegalna b’dieqa.
Ritratt: il-passaġġ imħarbat li jagħti għall-isqaq
Ritratt: l-anzjan li qed jokrob imqar għal kinsa
//= $special ?>



