Lokali Parlament

Xibka ta’ skandli u episodji ta’ skandli deskritti bħala ħmieġ fil-ħajja pubblika

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Aktar urġenti llum li jitressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika li l-Gvern diġà ħalla 14-il xahar jistenna

L-Abbozz ta’ Liġi dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika li sena u xahrejn ilu kien urġenti li jitressaq bi qbil unanimu tal-Parlament minkejja li dan il-Gvern baqa’ ma ressaqx, illum dan l-Abbozz hu aktar urġenti quddiem xibka ta’ skandli u episodji ta’ skandli deskritti bħala ħmieġ fil-ħajja pubblika.

Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech appella lill-Gvern iressaq kemm jista’ jkun malajr l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika li tħalla fuq l-ixkaffa għal 14-il xahar minkejja li hemm qbil unanimu dwaru miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Francis Zammit Dimech fakkar meta tkellem fil-Parlament, f’dak li seħħ fil-Parlament 14-il xahar ilu, meta d-Deputat Prim Ministru Louis Grech, sekondat minnu f’isem l-Oppożizzjoni, ressaq fil-Kamtra l-Ewwel Qari tal-Att dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika.

Fisser li dan l-Att kien riżultat ta’ Kumitat tal-Kamra, bl-Ispeaker tal-Kamra wkoll kien qiegħed ir-rapport finali tal-Kumitat li kien twaqqaf u li dwaru kien hemm qbil li jitressaq Abbozz ta’ Liġi bħala rakkomandazzjoni lill-Parlament wara x-xogħol li sar fil-Kumitat Parlamentari.

Meta kien tressaq fl-istadju tal-Ewwel Qari 14-il xahar ilu, kienu saru wkoll diskorsi fil-qosor mill-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Francis Zammit Dimech fakkar li d-Deputat Prim Ministru Louis Grech kien qal li dan hu Abbozz li jġib il-kontabbiltà u governanza ogħla għall-Membri Parlamentari, u jipprovdi li jkun hemm Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Abbozz biex jiżgura li jkollna liġi tal-ogħla livell ta’ etika u kontabbiltà.

F’isem l-Oppożizzjoni, Francis Zammit Dimech fakkar li d-dibattitu fil-Parlament dwar l-istandards fil-ħajja pubblika kien tqajjem f’mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni u aktar tard b’mozzjoni oħra tal-Gvern li kienet tirreferi għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

Sittax-il xahar ilu l-Ispeaker tal-Kamra kien awgura li l-Abbozz ikun diskusss bla dewmien
Francis Zammit Dimech fakkar ukoll li dakinhar, sena u xahrejn ilu, l-Oppożizzjoni kienet irrimarkat li diġà kien hemm min qed jonqos fid-dikjarazzjonijiet tal-assi u kien hemm bżonn li nindirizzaw is-suġġett tal-etika b’serjetà. Fakkar ukoll kif 16-il xahar ilu, l-Ispeaker tal-Kamra kien awgura li l-Abbozz ikun diskusss bla dewmien.

Francis Zammit Dimech staqsa għaliex wara dawn ix-xhur kollha l-Gvern baqa’ ma ressaqx fil-Parlament għad-diskussjoni u l-approvazzjoni ta’ dan l-Abbozz importanti.

Irrimarka li l-Gvern, fejn irid jaf jimxi b’urġenza u jsib il-ħin iressaq liġijiet malajr u b’għaġla, anke jekk ikunu liġijiet ta’ kontroversja. Staqsa għalfejn il-Gvern, fuq Abbozz li hemm il-qbil unanimu dwaru tal-Kamra kollha, sena u xahrejn wara għadu m’assigurax u ma ħa ebda azzjoni biex jgħaddi dan l-Abbozz dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li jekk dak l-Abbozz ta’ Liġi sena u xahrejn ilu kien urġenti, illum hu aktar urġenti quddiem xibka ta’ skandli u episodji minn xibka ta’ aħbarijiet u skandli deskritti bħala ħmieġ fil-ħajja pubblika.

Il-każ Gaffarena
Francis Zammit Dimech semma l-każ Gaffarena, li fissru bħala xibka ta’ skandli għaliex mhux każ ta’ skandlu wieħed iżda hu skandlu ġo skandlu ġo skandlu – bi tmien livelli ta’ skandli.

L-ewwel skandlu kien ta’ Gvern li jieħu propjetà privata li m’għandux bżonn fi Strada Zekka għaliex għandu biżżejjed proprjetà. It-tieni li ma jittrattax mas-sidien oriġinali imma jmur u jittratta anke fuq it-tieni porzjon ma’ Gaffarena meta kellu komunikaazzjoni minn parti mis-sidien oriġnali. It-tielet skandlu meta ta kumpens ta’ €3.2 miljun meta l-ammont kien esaġerat u mhux xieraq.

Ir-raba’ skandlu marbut mal-valur reali li hu ferm akbar minn hekk, id-doppju għaliex inkluda artijiet li ma kkalkulax tajjeb, fosthom ħanut f’Tas-Sliema li se jingħaqad ma’ propjetà oħra ta’ Gaffarena. Il-ħames jittratta l-artijiet f’kumpens li għażilhom Gaffarena stess. Skandlu ieħor meta uża sistema biex it-tender ma ssirx, u skandlu ieħor jirrifera għal uffiċjal tas-Segretarjat fl-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari li jiftaħar li hu ‘l-King’ meta akkumpanja lil Gaffarena f’dipartiment tal-Gvern.

Bżonn ta’ bidla mill-qigħ ta’ governanza serja fejn irridu s-serjetà u mhux il-ħabi
Id-Deputat Nazzjonalista enfasizza li wasal iż-żmien għal bidla mill-qigħ ta’ governanza serja fejn irridu s-serjetà u mhux il-ħabi. L-għoti ta’ informazzjoni lill-Gvern hu parti mid-dritt funadamentali tal-bniedem u tal-espressjoni għaliex id-dritt tal-poplu hu li jkollhom aċċess għall-informazzjoni u li din tingħatalhom – dritt li l-Gvern qed jikser il-ħin kollu.

Il-Gvern għandu jimxi b’kontabbiltà serja u b’mod nadif, u għandu jservi u mhux li jisserva. Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni hi impenjata li qabel l-aħħar tas-sena se tkun qed tressaq hi stess kif meta tkun fil-Gvern, ikollha l-istruttura kollha meħtieġa biex tiggarantixxi l-indafa u t-trasparenza u governanza serja.

Francis Zammit Dimech temm jikkwota is-seba’ prinċipji fis-sistema Ingliża – magħrufa bħala s-seba’ prinċijpji fil-ħajja pubblika – u li huma s-selfnessness; l-integrità; l-obġettività; l-akkontabbilità; l-openess bi trasparenza; l-onestà; u l-prinċipju tal-leadership. Francis Zammit Dimech tenna li huma dawn il-prinċipji u l-inizjattiva li se tkun qed tieħu l-Oppożizzjoni li jwasslu għall-kunċett ta’ fiduċja.