Internazzjonali

‘Diżappuntat’ għall-aħħar kontroversja dwar il-Familja Rjali Britannika

Kelliema għall-Palazz ta’ Buckingham, f’Londra, esprimew id-diżappunt tagħhom wara li tabloid popolari fir-Renju Unit ħareġ artiklu bir-ritratti u filmat li allegatament juru lir-Reġina Eliżabetta qed tagħti s-salut Nażista bħala tifla żgħira.

Il-materjal kontroversjali tal-gazzetta ‘The Sun’ imur lura għas-snin tletin, b’dan it-tabloid jippubblika filmat li jingħad li ttieħed fl-1933 u li juri lir-Reġina bħala tifla ta’ seba snin fil-kumpannija ta’ ommha, oħtha u z-ziju. Il-filmat, li jdum xi 17 il sekonda, juri lil Eliżabetta tilgħab fil-ġonna tal-Kastell ta’ Balmoral, fl-Iskozja, u lir-Reġina Omm qed terfa’ dirgħajha ‘l fuq fl-istil tas-salut Nażista.

Waqt il-filmat, iċ-ċkejkna Eliżabetta tidher qed tħares lejn ommha waqt li tipprova timita l-ġest. Il-Prinċep Edward, li kien fl-inħawi, u li ‘l quddiem kellu jilħaq Re tal-Ingilterra ( qabel abdika fi kwistjoni ta’ xhur), ukoll jidher jerfa’ idu ‘l fuq bl-istess stil tan-Nażisti.

Il-gazzetta ‘The Sun’ ma qalitx kif kisbet dan il-materjal iżda tinsisti li hi storja importanti u interessanti. Madankollu, l-Uffiċjali tal-Palazz qalu li huma diżappuntati li film daqstant antik seta’ jinkiseb u jkun sfruttat għall-iskopijiet ta’ xi wħud.

Qed jingħad li l-filmat inkwistjoni inġibed meta l-eksdittatur Adolf Hitler kien qed isir aktar prominenti bħala l-‘Fuhrer’ tal-Ġermanja, iżda ċ-ċirkostanzi tal-filmat innifsu m’humiex daqstant ċari.

Is-sorsi qrib il-Palazz ta’ Buckingham, intant, huma konvinti li ħafna nies se jevalwaw dawn ir-ritratti fil-kuntest xieraq. Huma komplew li ħadd, dak iż-żmien (fl-1933), ma kellu idea dwar kif l-affarijiet kellhom jiżvolġu jew dwar x’kellu jkun tassew is-sinifikat tas-salut Nażista fis-snin sussegwenti.