Lokali

Il-Gvern qed iqarraq dwar il-liġijiet tal-MEPA

Erba’ għaqdiet ambjentali: Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Malta Organic Agriculture Movement u Ramblers Malta, sostnew li l-Gvern qed iqarraq dwar il-liġijiet tal-MEPA f’tentattiv biex jiġġustifika iż-żieda fil-poteri ta-politiċi fuq l-ippjanar u l-ambjent.

Fi stqarrija, l-erba’ għaqdiet qalu li kuntrarju għal dak li qed jingħad, l-għaqdiet ambjentali qatt ma taw l-appoġġ inkondizzjonat tagħhom għall-qasma tal-MEPA. Huma kienu qalu li lesti jikkunsidraw din il-miżura sakemm din issaħħaħ is-settur ambjentali li kien injorat u kellu jbaxxi rasu għall-interessi tal-iżviluppaturi. Il-qasma tal-MEPA kif inhi proposta se tkompli ddgħajjef l-ambjent, bl-awtorita’ ambjentali tispiċċa bħala entita’ oħra kwalunkwe li tiġi kkonsultata meta jfettlilhom.

Qalu wkoll li mhux veru li l-għaqdiet ambjentali jistgħu jappellaw għad-deċiżjonijiet tal-MEPA. Dan id-dritt hu limitat biss għal proġett li jkollhom bżonn studju dwar l-impatt ambjentali (EIA) jew studju dwar il-possibilita’ ta’ tniġġiż (IPPC). Ir-realta’ hi li l-proġetti li jirrikjedu dawn l-istudji huma parti żgħira ħafna mill-proġetti li jidhru quddiem il-MEPA u dan in-numru jkompli jinżel jekk wieħed iqis li dan l-aħħar, il-MEPA mhux qed titlob applikanti biex iħejju EIA bħal fil-każ ta’ Gaffarena li qed jiżviluppa 35 maħżen.

Il-leġislazzjoni ġdida hi ntiża biex iżżid il-kontroll tal-Ministru fuq affarijiet tal-ippjanar, mhux biss billi jaħtar membri fuq il-bord, iżda billi jikkontrolla wkoll l-informazzjoni li tingħata lill-pubbliku.

L-Għaqdiet qalu li l-politiċi m’għandhomx ikollhom post fil-MEPA u d-deċiżjonijiet għandhom jitħallew f’idejn l-esperti tekniċi ibbażati fuq studji professjonali u imparzjali. L-unika riforma li tista’ tagħmel differenza hi riforma fl-impenn tal-politiċi favur l-ambjent.