Internazzjonali

L-Ayatollah Khamenei jirreferi għall-Istati Uniti bħala Stat ‘arroganti’

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, irrefera għall-Istati Uniti bħala ‘pajjiż arroganti’ waqt li għamilha ċara li l-pożizzjoni tal-Iran fil-konfront tal-Amerikani ma nbidlitx minkejja l-ftehim nukleari storiku li ntlaħaq jiem ilu bejn ir-Rappreżentanti Iranjani u l-potenzi tad-dinja.

Fl-istess ħin, Khamenei, li kien qed jitkellem ġo moskea f’Tehran , insista li l-Iran għad għandu d-differenzi kbar mal-Istati Uniti u li fuq kollox huma relatati mal-Lvant Nofsani.

Il-Mexxej Suprem Iranjan, li kien qed ifakkar it-tmiem tax-xahar qaddis Musulman tar-Ramadan, sostna li l-Iran se jkompli jappoġġja lis-Sirja, lill-Iraq u lill-Palestinjani, kif ukoll il-‘popli oppressati’ fil-Jemen u l-Bahrain. Khamenei, imbagħad, kompla li ‘anki wara l-aħħar ftehim (nukleari), m’għandhiex tinbidel il-politika tal-Iran fil-konfront tal-Istati Uniti arroganti’.

Il-ftehim dwar il-programm nukleari tal-Iran intlaħaq wara snin ta’ negozjati, bil-fehim jillimita l-attivitajiet ( nukleari) tal-Iran għal talanqas għaxar snin. Dan se jsir bi skambju mat-tneħħija gradwali tas-sanzjonijiet li qed ixekklu l-ekonomija tal-Iran.

Khamenei anki ċaħad li l-Iran kien qed jaħseb biex jipproduċi bomba nukleari u qal li ‘anki l-Amerikani jafu li dan ma kienx il-każ’.

Fl-istess ħin, Khamenei irrepeta l-pożizzjoni tal-Iran li ma jinnegozjax mal-Istati Uniti rigward affarijiet reġjonali jew internazzjonali – lanqas fejn jidħlu l-kwistjonijiet bilaterali. Iżda hu aċċenna għal xi ‘eċċezzjonijiet’ bħall-programm nukleari li kien innegozjat mal-Amerikani ‘biex jisservew l-interessi tal-Iran’.

Il-Mexxej Suprem Iranjan qal li issa hu neċessarju biex il-politiċi tal-Iran jevalwaw il-ftehim nukleari u jaċċertaw li l-interessi nazzjonali tal-Iran qed ikunu mħarsa.

Il-korrispondenti barranin, sadanittant, qed jgħidu li l-fehmiet tal-Ayatollah Khamenei jikkuntrastaw mat-tifħir għall-ftehim nukleari min-naħa tal-President Iranjan, Hassan Rouhani u l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif.