Internazzjonali

L-ewwel belt Spanjola bis-siesta uffiċjali

Is-Sindku ta’ Ador, fil-provinċja Spanjola ta’ Valencia, ħareġ mandat uffiċjali fejn insista li kulmin qed jgħix u jaħdem f’din il-belt għandu jkun permess nagħsa ta’ tlett sigħat kuljum, wara nofsinar.

Is-Sindku, Joan Faus Vitoria, iffissa formalment is-sigħat għall-irqad – jew aħjar, is-siesta – għal bejn is-2 u l-5 pm.

Din se tkun l-ewwel siesta uffiċjali ta’ dan it-tip li qatt kienet introdotta fi Spanja. Fil-fatt, il-ġenituri fiz-zona huma infurmati li t-tfal iridu jinżammu d-dar f’dan il-perijodu waqt li r-residenti u t-turisti f’Ador għandhom l-istruzzjonijiet biex ma jagħmlux storbju ‘li mhux neċessarju’.

Vitoria spjega li l-pjan kien introdott bħala mezz biex il-ħaddiema tal-irziezet u l-persuni li jagħmlu t-tipi tax-xogħol manwali jingħataw ‘break’ fil-ħinijiet tal-ġurnata fejn is-sħana tkun fl-agħar tagħha. Il-mandat jesiġi wkoll biex it-tliet sigħat tas-siesta jkunu rispettati mill-persuni u l-intrapriżi kollha li jħaddmu n-nies.

Is-siesta inkwistjoni għandha wkoll l-iskop li l-muniċipalità ta’ Ador tgħaddi minn perijodu ta’ kwiet fit-tul.