Lokali

“Mhux biss nepotiżmu iżda wkoll nuqqas ta’ ħila” – Il-Kap tal-PN dwar il-ħatra ta’ Sai Mizzi

“Bizarre” – Laqgħa stramba għall-aħħar. Hekk iddeskriva l-laqgħa li kellu l-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil ma’ Sai Mizzi ilbieraħ f’Shanghai f’kummenti li ta lill-ġurnal Times of Malta.

Wara laqgħa ta’ iktar minn nofs siegħa, li kienet ikkonfermata biss fil-jum ta’ qabel, il-Kap tal-PN qal li sa issa, il-kritika tal-Opposizzjoni kienet fuq nepotiżmu – Sai Mizzi hi l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi – izda wara din il-laqgha, il-kritika tal-Opposizzjoni se tiffoka wkoll fuq il-fatt li Sai Mizzi m’ghandhiex il-ħiliet biex tokkupa l-kariga li ghandha ta’ mibgħut speċjali tal-Gvern għall-investiment miċ-Ċina.

Meta tkellem dwar is-salarju tagħha ta’ €13,000 fix-xahar, Sai Mizzi oġġezzjonat b’qawwa u saħqet li ma tafx x’inhu dan l-għaġeb kollu għax hi l-mara tal-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa.

Simon Busuttil kompla li meta staqsieha tipprovdi dettalji ta’ fejn wieħed jista’ jikkuntattjaha, Sai Mizzi tfixklet u qalet li ma toqgħodx wara skrivanija l-ġurnata kollha.

Staqsieha wkoll dwar il-ftehim mal-kumpanija Huawei u qalet li ma tistax tikkwantifika l-valur tal-investiment u kemm se jħaddem nies, imma l-iktar parti stramba, kompla Simon Busuttil, kienet li dehret li ma tafx li Malta għandha potenzjal li tkun tieqa għall-Unjoni Ewropea.

Barraminhekk, kompla l-Kap tal-PN, jidher li Sai Mizzi mhux interessata, jew ma tafx kif tiffaċilita l-possibilita’ ta’ investiment minn Maltin fis-suq Ċiniż.

Tant hu hekk, qal Simon Busuttil, li Sai Mizzi qatgħet fil-qasir u qalet li x-xogħol tagħha hu li tattira investiment lejn Malta.