L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iqis il-każ tal-iffriżar tal-assi ta’ żewġ ġurnalisti ta’ The Times of Malta bħala pass lura u theddida diretta għall-ħidma tal-ġurnalisti f’pajjiżna.
Fi stqarrija li fiha l-IĠM esprima solidarjetà sħiħa maż-żewġ ġurnalisti, li qal li ġew trattati daqs kriminali għax tilfu kawża ta’ libell, tfakkar li l-ġurnalisti ġew ordnati jħallsu €11,500, li wara appell tnaqqset għal €4,000.
L-IĠM qal li d-deċiżjoni tal-Qorti li tordna li jiġu ffriżati l-assi tal-individwi mhix ġustifikata qabel ma jkunu deċiżi l-proċeduri kostituzzjonali miftuħa mill-istess individwi. Dan għaliex huma fetħu każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, li għadu miftuħ.
L-Istitut fakkar ukoll li l-prassi hi li dawn l-ammonti jitħallsu mill-mediahouse u mhux mill-individwi.
“Dan il-każ ikompli jiġġustifika kemm illum qabel għada huma meħtieġa riformi fil-liġi tal-libell, inkluż dawk imwiegħda mill-Gvern li sal-aħħar ta’ din is-sena jneħħi t-traċċi kriminali mil-libell,” stqarr l-IĠM li fakkar f’wegħda mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici f’laqgħa li bħala Istitut żamm miegħu fil-preżenza tal-Avukat Ġenerali nhar il-21 ta’April li għadda.
//= $special ?>

