L-eks-Ministru tal-Finanzi Grieg, Yanis Varoufakis, qed jidher ferm pessimist dwar ir-riformi ekonomiċi li l-Greċja se tkun kostretta li timplimenta fil-jiem li ġejjin
Filwaqt li l-Greċja qed tħejji l-miżuri tal-awsterità biex tingħata t-tielet bailout jew pakkett ta’ fondi għall-emerġenza, Varoufakis hu konvint li dawn ir-riformi huma destinati li jfallu. L-eks-Ministru tal-Finanzi Grieg tenna, fil-fatt, li l-Greċja qed tkun suġġetta għal ‘programm li jibqa’ mfakkar fl-istorja bħala l-akbar diżastru li qatt seħħ fil-qasam tal-management ekonomiku.’
Hu ħareġ bil-kummenti wara li l-Parlament tal-Ġermanja approva l-bidu tan-negozjati dwar il-bailout tal-Greċja – pakkett ta’ emerġenza li jista’ jlaħħaq total ta’ 86 biljun ewro. Intant, il-Greċja se tkun kostretta li ddaħħal aktar riformi u miżuri ta’ awsterità bi skambju għall-għajnuna.
Varoufakis, li rriżenja dan ix-xahar bħala Ministru tal-Finanzi, tenna li l-programm tar-riformi ekonomiċi għandu jfalli, ‘irrispettivament mill-persuni li jimplimentawh’. Hu kompla li l-Prim Ministru tal-Greċja, Alexis Tsipras, ammetta li ma jemminx fil-bailout iżda ftit kellu għażla ħlief li jiffirma għalih.
Il-Prim Ministru Tsipras, issa, ħabbar reshuffle fil-Kabinett tiegħu, fejn keċċa diversi Ministri li, din il-ġimgħa, kienu vvutaw kontra r-riformi fil-Parlament ta’ Ateni. Intant, Tsipras iddeċieda li ma jibdilx lil dawn il-Ministri bit-teknokratiċi jew bil-politiċi tal-Oppożizzjoni. Dan anki jfisser li Tsipras se jippresiedi fuq il-Ministri li, bħalu, għandhom id-dubji serji dwar il-programm tar-riformi tal-Greċja.
Il-Greċja, nhar l-Erbgħa, trid tgħaddi aktar riformi biex taċċerta mill-bailout. Madankollu, il-Kap tal-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro, Jeroen Dijsselbloem, wissa li l-proċess mhux se jkun wieħed faċli u qed jistenna li n-negozjati jdumu għaddejjin għal erba’ ġimgħat.
Fl-aħħar żviluppi, il-Gvern Grieg ħareġ direttivi biex il-banek fil-Greċja jiftħu nhar it-Tnejn wara li kienu ilhom magħluqin għal tlett ġimgħat. Intant, il-mandat jesiġi li l-ebda Grieg, għalissa, ma jista’ jiġbed aktar minn 420 ewro fil-ġimgħa, li hu l-limitu stabbilit.
//= $special ?>