Internazzjonali

24 sena jistenna l-‘Loch Ness Monster’ u issa jemmen li din kienet kollha illużjoni

Espert dwar il-Mostru ta’ Loch Ness leġġendarju, li ilu 24 sena attent għal xi dehra konkreta ta’ ‘Nessie’ illum jemmen li l-mostru ma jeżistix u li dan il-ġenn kollu jitratta ħuta kbira relatata għall-ispeċi tal-‘catfish’.

Madankollu, Steve Feltham, li għandu 52 sena u li hu oriġinarjamenta minn Dorset, kien ilu konvint għal kważi kwart ta’ seklu li fix-xmara ta’ Loch Ness qed tgħix ‘familja’ ta’ mostri preistoriċi.

L-ossessjoni swiet lil Feltham mhux ħażin, peress li hu iddeċieda li jitlaq mix-xogħol (bħala fitter tal-kameras tas-sigurtà) u jtemm ir-relazzjoni li kellu mat-tfajla. Feltham anki telaq mid-dar u, fl-1991, ittrasferixxa għaz-zona ta’ Loch Ness, fl-Iskozja, fejn seta’ jiddedika l-ħin kollu li xtaq ‘għat-tfittxija tal-mostru’.

Il-Guinness Book of Records jirrikonoxxi lil Feltham għall-aktar impenn kontinwu intiż biex jinqabad ‘Nessie’ u fejn hu kien kostrett li jqatta dawn is-snin twal fl-inħawi tal-Loch. Iżda llum, Feltham donnu rrealizza li qed jagħżaq fl-ilma u li l-mostru, x’aktarx, hu ‘catfish’ ġgantesk li l-ispeċi tiegħu jmorru lura għall-era tar-Reġina Victoria.

Steve Feltham kien spiċċa ossessjonat bil-leġġenda tal-‘Loch Ness Monster’ waqt żjara ma’ familtu fil-Highlands tal-Iskozja meta hu kien għad għandu seba’ snin.

Hu, bħalissa, qed jgħix ġo ‘mobile library’ ikkonvertit li jinsab fil-car park ta’ pub viċin il-Loch f’Dores. Feltham, bħalissa, qed jaqla’ l-flus b’li joħloq il-mudelli tal-Mostru ta’ Loch Ness u jbiegħhom lit-turisti.