Lokali

Filmat: “Segretarja mat-telefon biżżejjed fl-uffiċju tal-Huawei” – Edward Scicluna

“Naqgħu fir-redikolu” jekk nistaqsu kemm il-miljun se tħalli fl-ekonomija l-Huawei

Għall-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, inkunu qed naqgħu fir-redikolu jekk nistaqsu kemm-il miljun se tħalli fl-ekonomija ta’ pajjiżna l-kumpanija Ċiniża Huawei.

Nhar it-Tlieta li għadda, l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi – Sai Mizzi, ħabbru “investiment” mill-kumpanija Huawei. Jirriżulta li dan ‘l hekk imsejjaħ investiment m’hu se jkun xejn ħlief uffiċju b’10 impjiegi sabiex isir testing ta’ teknoloġija 5G f’Malta. L-anqas m’hu magħruf jekk l-10 impjiegi mħabbra hux se jkunu għall-Maltin jew għall-barranin.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt waranofsinhar u b’tweġiba għal mistoqsijiet ta’ MaltaRightNow.com, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li m’huwiex kompitu tiegħu li jgħid kemm-il miljun se tħalli l-Huawei f’pajjiżna, peress li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona jista’ jwieġeb hu minflok dwar dan.

Iżda wara li farfar il-mistoqsija fuq sieħbu fil-Kabinett, Edward Scicluna qal li nkunu qed naqgħu għar-redikolu jekk nistaqsu kemm-il miljun se tħalli l-Huawei fl-ekonomija Maltija. Scicluna qal li għalissa, għandna nkunu kburin li l-Huawei ġejja Malta u hu impossibli li nkunu nafu minn issa x’investiment se tagħmel f’pajjiżna. Kien hawnekk fejn Edward Scicluna qabbel il-kumpanija Huawei mal-kumpanija Microsoft u qal li l-fatt li jkollok l-isem f’Malta diġa’ hu biżżejjed. “L-anqas hemm għalfejn jonfqu sold,” sostna l-Ministru tal-Finanzi.