Shanghai Electric lesta li tkun trasparenti; il-Gvern Laburista għandu jippubblika l-kuntratti
Fil-laqgħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kellhom ma’ uffiċjali għolja tax-Shanghai Electric fiċ-Ċina ngħatat aktar informazzjoni milli ta l-Gvern ta’ Joseph Muscat fl-aħħar sentejn.
Dan ġie żvelat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervent telefoniku fuq Radio 101, hekk kif jinsab fi triqtu lura lejn Malta wara żjara fiċ-Ċina fil-jiem li għaddew. Simon Busuttil qal li mil-laqgħat li kellu matul din il-ġimgħa, ħareġ ċar li ċ-Ċina trid li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ Malta u lesta li tkompli tagħmel dan mal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil irrefera għal-laqgħa mal-uffiċjali tax-Shanghai Electric u sostna li fil-laqgħa ta’ siegħa li saret mad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, ingħatat aktar informazzjoni milli ta l-Gvern ta’ Joseph Muscat f’sentejn. “Meta staqsejnihom, huma għamluha ċara li l-prinċipju tat-trasparenza huwa prinċipju fundamentali u huma lesti li jkunu trasparenti. Allura l-mistoqsija hija din : ladarba x-Shanghai Electric lesti li jkunu trasparenti, issa l-Gvern ta’ Muscat lest li jippublika l-kuntratti?” staqsa Simon Busuttil.
Fattur ieħor, li fi kliem Simon Busuttil, qed jisfoka r-relazzjoni ta’ Malta maċ-Ċina hija l-ħatra żbaljata tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Hu qal li din il-ħatra hija żbaljata għal tliet raġunijiet : il-fatt li l-Gvern ħatar il-mara ta’ Ministru f’kariga għolja bħal dik, is-salarju esaġret mit-taxxi tan-nies, u issa, li mil-laqgħa ta’ nhar il-Ġimgħa, rriżulta li din il-persuna mhix preparata u tajba għal din il-pożizzjoni. “Il-mara ta’ Konrad Mizzi min jaf kemm il-persuna qabżet, u mhix tajba u preparata għal din il-pożizzjoni.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li hu jrid koperazzjoni ġenwina maċ-Ċina, mibnija fuq l-onesta’ u t-trasparenza. Dan għal kuntrarju tal-Gvern Malti li mhux qed jagħmel hekk.
Id-direzzjoni tal-Gvern ta’ Gaffarena hija korruzzjoni
Simon Busuttil irrefera wkoll għall-iskandlu ġdid li ġie żvelat fil-faċċata ta’ quddiem tal-ħarġa tal-lum ta’ The Sunday Times, jiġifieri li Gaffarena prova jixtri żewġ terzi ta’ proprjeta’ oħra fil-Belt Valletta għall-prezz ta’ €3.5 miljun. “Timmaġina lil xi ħadd li prova jixtri l-Għassa tal-Pulizija jekk mhux diġa’ kien jaf li l-Gvern irid jixtrieha?” staqsa Simon Busuttil. “Mhux bilfors li hemm il-korruzzjoni? Bilfors li dan huwa Gvern ta’ Gaffarena. Lil min qed ixaħħam Gaffarena? Bejn min għaddejjin il-flus? Min hu involut fil-korruzzjoni? Din hi direzzjoni korruzzjoni.” Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni mhux se tħalli dan l-iskandlu ġdid għaddej, u se tagħmel pressjoni biex toħroġ il-verita’ kollha u tintrefa’ r-responsabbilta’ politika.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jispjega li kull min iħallas it-taxxi, qed iħallas għal din il-korruzzjoni. Hu fakkar li hemm mas-600 familja li għadhom qed jistennew biex igawdu mill-Home Ownership Scheme, waqt li Joseph Muscat sab il-flus għal Gaffarena u ta’ Cafe’ Premier. Dan il-Gvern għollha l-kera lil min jgħix fis-social housing. “Qed iħallsu l-pensjonanti li mhux ilaħħqu mal-pensjoni, u anke l-ħaddiema u l-familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja,” qal Simon Busuttil. Dan hu dak li qed iħallsu għall-korruzzjoni kbira u tremenda ma’ kullimkien.
Il-poplu Malti u Għawdxi għandu jirrifletti fuq ir-raġunijiet għalfejn il-Gvern ma riedx isaħħaħ il-liġi tal-finanzjament tal-partiti
Il-Kap tal-Parit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni proponiet li jkun hemm limitu ta’ kemm flus il-partiti politiċi jkunu jistgħu jonfqu f’kampanja elettorali – xi ħaġa li ġiet irrifjutata b’saħħa mill-Gvern Laburista. “L-aħjar ħaġa biex ikollok politika nadifa hu li torbot idejn il-partiti politiċi ta’ kemm jistgħu jonfqu. Dan huwa importanti, b’mod speċjali llum meta għandna Prim Ministru li għandu ħafna obbligi xi jħallas lura.”
Simon Busuttil spjega li l-Oppożizzjoni riedet liġi sew u mhux nofs kedda, u għalhekk proponiet li jkun hemm capping ta’ €2 miljun għall-infiq f’kampanja elettorali. Hu sostna li l-Gvern irrifjuta din il-proposta għaliex għandu x’jaħbi. “Dan huwa ta’ tħassib kbir, għaliex taħt dan il-Gvern, hemm ħafna każi u skandli, li juru li l-Gvern ma jemminx fil-politika trasparenti u nadifa,” qal Simon Busuttil.
Il-Gvern għandu għażla : jew ikisser il-kunsens li hawn fl-edukazzjoni jew jibda’ proċess diskussjoni u konsultazzjoni
Lejliet id-dibattitu Parlamentari dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex tattakka l-Avviż Legali 150 tal-2015, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li dan l-Avviż Legali ddaħħal fl-istess żmien tal-kontroversja taż-Żonqor, meta l-Gvern beda’ jinsisti li jrid jagħti l-art taż-Żonqor lill-kuntratturi tal-Ġordan li m’għandhomx esperjenza fl-edukazzjoni, iżda għandhom esperjenza biss fil-kostruzzjoni u t-turiżmu. “L-Avviż Legali jbaxxi l-kriterji ta’ Universita’, u allura l-Gvern flok għolla l-istandards tal-edukazzjoni, baxxihom,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil fakkar li b’dan l-Avviż Legali, issa l-Gvern għandu d-dritt jiddeċiedi jagħtix il-liċenzja ta’ Universita’ “fl-interess nazzjonali”, jiġifieri skont dak li jiddeċiedi l-Prim Ministru. Hu appella lill-Gvern biex ma jkissirx il-kunsens fl-edukazzjoni, wara li Gvern Nazzjonalista tant ħadem mis-snin 80 ‘l hawn biex intlaħaq livell ta’ kunsens fl-edukazzjoni. “Għada l-Gvern għandu għażla : jew ikisser dan il-kunsens billi jkompli jirrombla minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi, jew inkella jerġa’ jiftaħ id-diskussjoni billi jikkonsulta mal-istudenti, mal-lekċerers, u mal-Universita’, biex jinżamm il-kunsens fil-qasam tal-edukazzjoni f’pajjiżna,” temm jgħid Simon Busuttil.
//= $special ?>

