FIFA: Il-FIFA għada se tkun qed tiltaqa’ biex tiddeċiedi d-data tal-kungress speċjali li fih għandu jiġi elett il-President il-ġdid.
Din se tkun l-ewwel laqgħa tal-FIFA sa minn meta seba’ uffiċjali tagħha kienu arrestati fuq akkużi ta’ korruzzjoni lejlet l-elezzjoni presidenzjali li saret f’Mejju. Is-seba’ uffiċjali kienu fost 14-il persuna nvestigati mill-ġustizzja fl-Istati Uniti. Sepp Blatter kien konfermat President imma rriżenja wara serje ta’ arresti.
Dak iż-żmien kienet inbdiet ukoll it-tieni nvestigazzjoni fil-FIFA bil-prosekuturi Żvizzeri jinvestigaw il-proċess ta’ kif saret l-għażla għall-pajjiżi organizzaturi tat-Tazzi tad-Dinja tal-2018 fir-Russja u l-2022 fil-Qatar.
Il-kungress straordinarju li għandu jeleġġi l-President il-ġdid mistenni li jsir bejn Diċembru ta’ din is-sena u Marzu tas-sena d-dieħla għalkemm hu mifhum li l-UEFA trid li Blatter iħalli l-post vakanti mill-aktar fis.
Blatter m’użax il-kelma ‘riżenja’ meta ħabbar li kien qed iwarrab mill-kariga li ilu jokkupa sa mill-1998.
Imma l-Iżvizzeru ta’ 79 sena qal, “Waqt li għandi mandat mill-membri tal-FIFA, ma nħossx li għandi mandat mid-dinja kollha tal-futbol – il-partitarji, l-plejers, il-klabbs u n-nies li jgħixu fil-futbol. Għalhekk iddeċiedejt li nħalli l-mandat għall-elezzjoni tal-kungress straordinarju. Sa dakinhar se nibqa’ naqdi l-funzjonijiet tiegħu bħala president tal-FIFA.”
Blatter intqal li kien qed jerġa’ jikkunsidra li jikkontesta qabel Domenico Scala, iċ-Chairman indipendenti tal-kumitat tal-awditjar tal-FIFA ħeġġu biex iżomm mad-deċiżjoni li ħa.
“Iż-żmien li tilgħab bil-poter spiċċa. Nitlob lil dawk kollha konċernati, inkluż Blatter biex iżommu mal-interess tar-riformi li ħabbru huma stess bit-tibdil tal-ogħla uffiċjali tal-FIFA,” qal Scala.
//= $special ?>

