Sport

Gowl ta’ Lacazette jgħarraq lil Milan

L-ewwel eżami veru ta’ AC Milan ta’ qabel l-istaġun ma marx kif kien pjanat hekk kif il-Franċiżi ta’ Lyon ħarġu rebbieħa 2-1 b’Alexandre Lacazette jiskorja l-gowl tar-rebħa lejn it-tmiem.

It-tim tas-Serie A deher li kien għoddu seraq draw b’gowl tajjeb ta’ Andrea Poli kwarta mit-tmiem imma Lacazatte, li skorja 27 gowl fil-kampjonat l-istaġun li għadda, kiseb ir-rebħa ħames minuti wara. Nabil Fekir kien poġġa lill-Franċiżi fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima.

Andrea Berttolacci kien l-uniku akkwist ġdid ta’ Milan din is-sena nvolut fil-partita imma naqas milli jipprovdi l-kreattività meħtieġa u l-wirja ta’ Milan kienet sa ċertu punt deludenti.

Fi tmiem il-partita l-kowċ ta’ Milan Sinisa Mihajlovic insista li t-tim se jkun lest minn kull aspett qabel jibda s-Serie A.
Mihajlovic qal li kien kuntent bil-preparazzjoni tat-tim u bl-akkwisti l-ġodda ta’ Carlos Bacca u Luiz Adriano li għad iridu jkunu ntrodotti.

“Konna nafu li jinsabu qabilna fil-preparazzjoni u barra dan bdilna wkoll is-sistema. Qatt mhu sabiħ li titlef imma nista’ ngħid li jien sodisfatt bix-xogħol li sar s’issa. Interpretajna l-logħba tajjeb imma stajna għamilna aħjar u se nagħmlu aħjar. Milan se jkunu preparati fiżikament, teknikament u tattikament fil-bidu tal-istaġun,” qal Mihajlovic.