Lokali

Huma l-Ministri Laburisti li “jagħmluha tal-bullies, joqgħodu jgħajjtu u jirreċtaw”

Dalgħodu, waqt intervista fuq ONE Radio, Joseph Muscat għażel li jitkellem dwar l-imġiebi tad-Deputati fil-Parlament, u qal li hemm min “qed jagħmilha tal-bully, joqgħod jgħajjat u jirreċta.”

Fi stqarrija dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qal li kien ikun aħjar għal Joseph Muscat li ma jkunx chicken u jgħid dak li għandu x’jgħid waqt laqgħa tal-Kabinett Laburista. Żgur li hemm ħafna Deputati Laburista, fosthom Konrad Mizzi, Joe Mizzi, Ian Borg u Edward Zammit Lewis li għandhom ħafna xi jwieġbu għall-aġir tagħhom fil-Parlament. Jekk hemm Deputati li “qed jagħmluha tal-bully, joqgħodu jgħajjtu u jirreċtaw” huma l-Ministri Laburisti, li biex ma jweġbux il-mistoqsijiet li jsirulhom, jgħażlu li jinfexxu f’attakki u insulti fil-konfront tal-Oppożizzjoni.

L-istqarrija tkompli tgħid li Muscat, minkejja li dam 45 minuta jitkellem, għażel konxjament li jinjora l-aħħar skandlu li ġie żvelat dalgħodu fuq The Sunday Times, jiġifieri li Gaffarena, li diġa’ kien involut fl-iskandlu ta’ Strada Zekka kien f’negozjati biex jixtri żewġ kwarti ta’ proprjeta’ oħra fil-Belt. Joseph Muscat għażel li ma jweġibx il-mistoqsijiet serji li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, jiġifieri: Lil min qed ixaħħam Gaffarena? Bejn min għaddejjin il-flus? Min hu involut fil-korruzzjoni?

Joseph Muscat qed jagħżel li jagħlaq għajnejh quddiem il-korruzzjoni. Il-Partit Nazzjonalista temm ifakkar lil Muscat fi frażi li hu stess kien iħobb juża fl-aħħar kampanja elettorali: min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, huwa korrott.