Il-każ Gaffarena jkompli jinfirex hekk kif il-ġurnal The Sunday Times jiżvela li Gaffarena pprova jixtri palazz ieħor fil-Belt, propju l-palazz li fih illum hemm l-Għassa tal-Pulizija fi Triq l-Arċisqof fil-Belt Valletta.
The Sunday irrappurtat li Marco Gaffarena kien f’negozjati mas-sidien ta’ Palazzo Verdalin fil-belt f’Marzu li għadda biex jixtri l-propjeta tagħhom għal €3.5 miljuni biex wara jbiegħha lill-Gvern u jagħmel profitt. Jirriżulta li wara li f’Mejju li għadda kien żvelat il-każ ta’ Triq Zekka, in-negozjati bejn Marzo Gaffarena u s-sidien waqfu.
Palazzo Verdalin hu binja tas-16-il seklu faċċata ta’ Pjazza San Ġorġ u bħalissa jintuża bħala Għassa tal-Pulizija. Il-Gvern għandu ftehim ta’ enfitewsi sal-2028 fuq dan il-post, meta l-Gvern għandu joħroġ mill-post u jirritorna l-post lis-sidien.
The Sunday Times tikkwota lil wieħed mis-sidien tal-Palazz li qal li Gaffarena kien kellimhom u qalilhom li eventwlament il-Gvern kien se jixtri l-Palazz. Jirriżulta li Gaffarena kien diġa xtara terz tal-Palazz fi ftehim li kien għamel 15-il sena ilu mingħand il-familja Coleiro. Il-kumplament tal-Palazz hu propjeta tal-familja Zammit u Tagliaferro.
//= $special ?>

