Lokali

Jixtri art għal €10,000 mingħand anzjan b’kundizzjonijiet mentali

Skont rapport fil-media, Ian Borg kien jaf bil-kundizzjonijiet mentali ta’ anzjan li mingħandu xtara art għas-somma miżera ta’ €10,000

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg xtara art fil-Wied ta’ Santa Katerina fir-Rabat għas-somma miżera ta’ €10,000 u dan meta l-istess Ian Borg kien jaf li l-persuna li mingħandu kien qed jixtri din l-art kellu problemi ta’ mard mentali.

Il-ġurnal The Malta Independent żvela dan f’rapport ppubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd, fejn ġie żvelat li l-familja ta’ Anthony Scicluna ta’ 66 sena, qed jikkunsidraw li jieħdu passi legali biex il-bejgħ li sar jigżi annullat, u dan peress li l-anzjan, kien ingannat fil-bejgħ ta’ din l-art.

L-art tinsab fil-Wied ta’ Santa Katerina fir-Rabat, u tinsab maġenb propjeta’ mixtrija minn Ian Borg u li dwarha hemm allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ poter talli nħareġ permess mill-MEPA b’mod mgħaġġel biex din il-propjeta’ tiġi żviluppata f’residenza.

The Malta Independent tirrapporta li Anthony Scicluna ilu mill-2009 jbati minn kundizzjoni mentali serja u kien deskritt mill-konsulent tiegħu bħala vulnerabbli u mingħajr il-kapaċita’ li jieħu deċiżjonijiet. Madanakollu, skont ir-rapport f’The Malta Independent, Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg xtara l-art mingħandu għal €10,000 biss waqt li kien konxju minn din il-kundizzjoni mentali tal-anzjan.

The Malta Indepedent tgħid li l-bejgħ ta’ din l-art sar fit-13 ta’ Jannar 2014, tlett ijiem wara li, skont dak rappurtat, l-anzjan ittieħed f’numru ta’ stabbilimenti tax-xorb u ngħata ammont eċċessiv ta’ alkoħol minn żewġ middlemen li skont il-kuntratt tal-bejgħ kienu qed jirrappreżentaw lil Ian Borg. Dan sabiex jikkonvinċuh ibiegħ l-art. Dan minkejja li l-anzjan, Anthony Scicluna, ma jistax jixrob alkoħol minħabba l-kundizzjoni mentali tiegħu u l-medikazzjoni li jieħu.

L-art li nxtrat għas-somma miżera ta’ €10,000 mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg hi kbira madwar 650 metru kwadru. Apparti minn din l-art, bl-€10,000, Ian Borg akkwista wkoll tank tal-ilma f’għalqa fil-qrib u mitħna mibnija fuq 16-il metru kwadru ta’ art.

Iżda meta l-familja ta’ Anthony Scicluna provaw jagħmlu kuntatt ma’ Ian Borg biex jistaqsuh jekk jaħsibx li għamel tajjeb li xtara art mingħand anzjan b’mard mentali, Ian Borg heddidhom li jiehu passi legali kontriehom.

Mistoqsi minn The Malta Independent jekk jahsibx li il-bejgh ta’ din l-art f’Wied Santa Katerina kienx ġust, Ian Borg iddefenda x-xiri ta’ din l-art minn anzjan b’kundizzjonijiet mentali għas-somma miżera ta’ €10,000.