B’riżultat ta’ numru ta’ deċiżjonijiet mill-aktar dubjużi li l-Bank of Valletta ħa matul ix-xhur li għaddew, il-Bank – li l-azzjonist prinċipali tiegħu hu l-Gvern – iddaħħal f’numru ta’ kobob mill-aktar perikolużi u mħabbla li qegħin jimminawlu r-reputazzjoni mill-aqwa li kien igawdi.
Dan ġie żvelat fil-ġurnal il-mument.
Sorsi li tkellmu ma’il-mument fissru li l-aħbarijiet kontrastanti li ħarġu fl-aħħar ġimgħat dwar il-Bank of Valletta xejn ma għamlu ġieħ lill-istess Bank li kien igawdi stima u fiduċja kbira mill-azzjonisti.
Illum jidher li l-affarijiet bdew jinbidlu b’rata mgħaġġla u min qiegħed imexxi l-Bank qed jieħu inkonsiderazzjoni fatturi sekondarji u terzjarji sempliċiment biex jakkomoda aġendi li fil-verità l-Bank, kieku jġib l-ewwel il-konsiderazzjonijiet primarji li fuqhom għandu jaħdem, jew iwarrabhom jew inkella jidħol għal eżerċizzji ferm akbar u aktar rigorużi ta’ konsultazzjoni u parir tekniċi qabel ma jimbarka fuqhom.
Tlieta huma prinċipalment il-fatturi ewlenin li fuqhom l-azzjonisti qegħdin jagħmlu għadd ġmielu ta’ mistoqsijiet, u dawn lil hinn mit-tmexxija u l-mod kif qed isiru l-affarijiet internament tal-Bank. Imma dawn it-tliet fatturi li mmaturaw fl-aħħar xhur – wara d-deċiżjonijiet meħuda bl-aktar mod arbitrarju li ħa l-Bank, bosta drabi bl-aktar mod sigriet u b’ħafna ħabi – qed iwasslu biex jitqanqlu mistoqsijiet li juru li l-azzjonisti bdew jiddubitaw mis-serjetà tal-Bank u fuq kollox mill-mod serju u professjonali li bih il-Bank qiegħed jimmilita u jitmexxa.
L-ewwel deċiżjoni li daħħlet lill-Bank of Valletta f’ħafna saram kienet dik relatata mas-self ta’ €100 miljun lill-konsorzjiu Electrogas li daħal għall-bini tal-Power Station il-ġdida.
It-tieni deċiżjoni ferm dubjuża li kompliet iddaħħal lill-Bank of Valletta fi sqaq kienet id-deal tinten u minn wara dahar kulħadd li għamel ma’ Michael Falzon – illum Segretarju Parlamentari fil-Kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat – fejn dan ingħata xejn inqas minn €260,000 fi skema ta’ irtirar kmieni.
It-tielet deċiżjoni bażwija tal-Bank of Valletta xejn mistennija kienet is-self ta’ ammont ġmielu ta’ miljuni ta’ ewro lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta biex setgħet tagħmel tajjeb għat-telf qawwi li għamlet fix-xiri tal-fuel neċessarju għall-operazzjoni tal-ajruplani tagħha.
Matul dawn il-jiem il-mument tkellem ma’ azzjonisti tal-Bank of Valletta li kkonfermaw li fil-jiem li ġejjin se jkunu qegħdin jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti fil-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet kontroversjali tal-Bank. Fil-Bank of Valletta hemm madwar 20,000 azzjonist li fdaw lill-Bank bil-flus tagħhom u li llum qed jirraġunaw li l-Bank ma jistax jibqa’ jilgħab bl-aktar mod perikoluż ma’ flushom bil-konsegwenzi li aġir tali jista’ jwassal għalih.
L-azzjonisti li tkellmu magħna nsistew li l-Bank of Valletta m’għandux jibqa’ jaħrab din is-sitwazzjoni mwiegħra li ġab b’idejh stess u għandu immedjatament jagħti spjegazzjonijiet dettaljata għar-rapporti li qed jidhru fil-media u li dwarhom s’issa l-mistoqsijiet tagħhom bħala azzjonisti għadhom ma ġewx imwieġba.
//= $special ?>

