Il-Gvern Laburista jordna x-xiri ta’ tagħmir għall-hacking u l-ispjunaġġ
ESKLUSSIVA: Matul ix-xhur li għaddew, sa aktar kmieni dan ix-xahar, uffiċjali għolja fdati mill-Gvern mis-Servizz Sigriet Malti (MSS) kienu fi trattattivi ma’ kumpaniji barranin biex jaraw kif jistgħu jfornu lill-MSS bl-aktar teknoloġiji avvanzati fis-suq u li permezz tagħhom ikunu jistgħu jinfiltraw f’korrispondenzi elettroniċi privati u ta’ kumpaniji.
Sorsi infurmati tajjeb din il-ġimgħa qalu lil ġurnal il-mument li l-ordni biex l-ogħla uffiċjali tal-MSS jibdew jagħmlu riċerki biex jaraw x’qed joffri s-suq u x’jista’ jkun jgħodd għal Malta ġew direttament minn Kastilja li finalment hu resposabbli mill-MSS.
Għal xi raġuni l-Gvern irid li l-MSS ikollu fil-portafoll tiegħu l-mezzi adatti għal Malta biex isir infiltrar f’korrispondenzi elettroniċi (e-mails) u saħansitra anki f’mezzi oħra online u telefoniċi. Fi ftit kliem il-Gvern irid li l-MSS ikollha l-għodda meħtieġa kollha biex tkun tista’ tidħol f’kompjuters privati u ta’ kumpaniji, kif ukoll f’mezzi telefoniċi ta’ persuni privati u jsiru eżerċizzi ta’ hacking u spjunaġġ.
il-mument hu nfurmat li d-direzzjoni tal-Gvern lill-ogħla uffiċjali tal-MSS kienet diskreta ħafna u bil-patt li dak li jkunu qed jagħmlu l-istess uffiċjali biex jistabbilixxu f’liema sistema l-Gvern Malti kellu jinvesti, kellu jibqa’ totalment sigriet.
Aqra iktar fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument,
//= $special ?>

