Formula 1 Sport

Prost u Alesi jsellmu lil Bianchi

FORMULA 1: Tnejn mill-aktar eks sewwieqa ammirati tal-Formula 1, Alain Prost u Jean Alesi sellmu lis-sewwieq żagħżugħ u konnazzjonal Jules Bianchi waqt li kienu qed imexxu ntervisti dwar il-mewt tiegħu fuq diversi stazzjonijiet.

Alesi, eksFerrari qal li l-aħbar tal-mewt ta’ Bianchi kienet ferm diffiċli li tiġi aċċettata. Huwa faħħar l-ispirtu kumbattiv li kellu Bianchi waqt li rrimarka wkoll li kien persuna eċċezzjonali bogħod miċ-ċirkwit.

Alesi żied jgħid li fl-aħħar tmien xhur kien qed jittama li jseħħ miraklu u li Bianchi kien se jirkupra.

“Ma naċettawx din l-aħbar. Iġġieled sal-aħħar. Konna nemmnu fih u f’mirkalu,” qal Alesi.

Prost, erba’ darbiet champion tad-Dinja qal li għalkemm il-Formula 1 tinsab f’luttu, il-ħsibijiet għandhom imorru għall-familja ta’ Bianchi.

“25 sena… jien għandi tifel ta’ 25 sena u nista’ nimmaġina x’qed iħossu. Hi dieqa kbira fuq kollox għall-familja u l-ħbieb. Anke jekk l-aħbar mhix sorpriża u konna nafu x’se jiġri, xorta tweġġgħek,” qal Prost li sejjaħ lil Bianchi gwerrier u bħala talent emerġenti.

“Il-karriera tiegħu kienet sejra tajjeb. Bla dubju kien wieħed mill-aktar sewwieqa li kien se jingħaqad ma xi tim kbir fil-futur, fosri l-Ferrari. Kien gwerrier. Mort miegħu bir-rota xi ħmistax qabel l-inċident u stajt nara l-livell kompetittiv li kellu,” qal Prost.