Andy Murray mexxa lir-Renju Unit lejn l-ewwel semifinali tagħhom f’34 sena b’rebħa drammatika fuq il-Franċiż Gilles Simon fil-Queen’s Club.
Murray deher għajjien meta kien set u tie break minn taħt imma rrisponda tajjeb biex rebaħ 4-6, 7-6, 6-3, 6-0.
In-numru 3 fid-dinja kiseb it-tieni rebħa fl-individwali u ta vantaġġ 3-1 lir-Renju Unit fuq l-aħjar minn ħames konfronti.
Intant Lleyton Hewitt, mexxa lill-Awstralja lejn is-semifinali wara li minn 2-0 minn taħt irkupraw u għelbu lil Kazakhstan 3-2.
Il-veteran ta’ 32 sena ddomina lil-avversarju Aleksandr Nedovyesov u rebaħ 7-6, 6-2, 6-3 fl-aħħar rubber deċiżiva f’Darwin wara li Sam Groth kien kiseb id-draw kontra Mikhail Kukushkin.
Ironikament ħadd minn Hewitt u Groth ma kienu magħżula mill-bidu biex jilagħbu fl-individwali imma l-captain Wally Masur neħħa liż-żgħażagħ Thanasi Kokkinakis u Nick Kyrgios wara li l-Kazakhstan kien mar 2-0 minn fuq.
Hewitt u Groth lagħbu flimkien fid-doubles fejn naqqsu l-iskor u mbagħad rebħu l-partiti tal-individwali biex għall-ewwel darba sa mill-1939, l-Awstralja rebħet logħba li kienet qed titlef 2-0.
Din is-semifinali se tintlagħab bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru u l-post għad irid ikun deċiż fil-bidu ta’ Awwissu biż-żewġ naħat se jkunu qed jiltaqgħu għat-13-il darba fejn l-awstraljani jinsabu 8-4 minn fuq wara li rebħu l-aħħar tliet konfronti.
Is-semifinali l-oħra se tkun bejn l-Arġentina u l-Belġju li eliminaw lis-Serbja u l-Kanada rispettivament wara li t-tnejn kienu diġà 3-0 minn fuq fit-tieni ġurnata.
//= $special ?>