Sport

Tevez jibda b’rebħa

ARĠENTINA: Ir-ritorn ta’ Carlos Tevez ma’ Boca Juniors wara 11-il sena spiċċa fid-dell ta’ sieħbu Jonathan Calleri li skorja gowl spettakolari b’mossa magħrufa bħala ‘rabona’ fir-rebħa 2-1 fuq Quilmes.

Sebastian Palacios poġġa lil Boca fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima qabel Calleri skorja l-gowl deċiżiv għal-liders tal-kampjonat wara li l-ewwel tentattiv tiegħu kien imblukkat.

Alexis Canello naqqas l-iskor tard fil-partita li ntlagħbet fil-Bombonera Stadium u li kien ippakkjat. Preżenti wkoll Diego Maradona li kellu banner mil-kamra tiegħu favur Tevez li rringrazzjah talli għażel il-klabb favorit tiegħu fuq il-flus.

Tevez li għandu 31 sena u li fid-debutt laqat ukoll il-lasta, għamel l-aħħar 10 snin fl-Ewropa fejn lagħab ma’ West Ham, Manchester City, Manchester United u Juventus.

L-istaġun li għadda huwa skorja 29 gowl f’Turin fejn rebaħ il-kampjonat tas-Serie A u spiċċa runner up fiċ-Champions League.