Internazzjonali

Tkompli l-polemika dwar ir-ritratti tar-Reġina tagħmel is-salut Nazista

Kompliet il-polemika dwar ir-ritratti pubblikati fil-gazzetta Ingliża ‘The Sun’ li juru r-Reġina Eliżabetta, meta kellha biss sitt snin, tagħmel dak li qed jintqal hu s-salut Nazista f’filmat.
Ir-ritratti ttieħdu minn filmat li fih tidher flimkien ma’ oħtha Margaret u ommha, ir-Reġina Omm, li wkoll jagħmlu s-salut Nazista waqt il-ġbid.
Buckingham Palace qal li r-Reġina kienet diżappuntata ħafna bil-pubblikazzjoni ta’ dan il-filmat u ritratti u għall-mod kif approfittaw minnu.
Il-filmat aktarx inġibed bejn l-1933 u l-1934 minn dak li mbagħad sar ir-Re Edward it-Tmienja. Hemm ukoll polemika dwar kif il-filmat spiċċa f’idejn ‘The Sun’.
Il-filmat b’kollox idum madwar 17-il sekonda u juri r-Reġina tilgħab b’kelb fil-ġonna ta’ Balmoral. Ommha, ir-Reġina Omm, imbagħad tgħolli jdejha fl-istil tas-salut li kienu jagħmlu n-Nazisti, u wara li tħares lejn ommha, dik li illum hi r-Reġina Eliżabetta, tagħmel l-istess. Il-Prinċep Edward, li mbagħad, sar re, ukoll jidher jagħmel l-istess.
Il-filmat inġibed fi żmien meta Adolf Hitler kien qed isir dejjem aktar popolari fil-Ġermanja imma ċ-ċirkustanżi li fih inġibed mhumiex ċari.
Ir-Re Edward kien iz-ziju tar-Reġina Eliżabetta. Għal żmien qasir kien sar Re, fl-1936, imma abdika wara 326 ġurnata peress li ried jiżżewweġ l-Amerikana Wallis Simpson li kienet divorzjata. F’Ottubru tal-1937, hu kien żar il-Ġermanja Nazista fejn kien iltaqa’ ma’ Hitler u kien żar ukoll kamp ta’ konċentrament għalkemm m’hemmx evidenza li turi li ntwera x’kien qed jiġri fihom.
Wara l-gwerra mar jgħix Franza fejn miet fl-1972.
Stig Abell, il-managing editor ta’ ‘The Sun’, qal li ma kienx jaqbel li kienu approfittaw mill-filmat imma dan kien pubblikat minħabba l-importanza storika tiegħu.