Fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, 10 u 11 ta’ Lulju li għadda, tlett itfal li l-età tagħhom tvarja bejn il-11 u t-13-il sena u li bħalissa qed joqogħdu fir-residenza villeġġatura mal-carers tas-Sorijiet Fra Diegu, ħarbu mill-istess villeġġatura fix-Xemxija u mxewha sad-dar ta’ waħda mill-ġenituri tagħhom fil-Qawra.
Dan b’periklu kbir għalihom u fost il-biża’ kbir li kellhom fuqhom waqt li mix-Xemxija kienu sejrin, oriġinarjament lejn Ħal Tarxien fejn toqgħod waħda mill-ġenituri, iżda mat-triq it-tfal għejjew u ddeċiedew li jibdlu l-ħsieb tagħhom u minflok imorru għand omm oħra li toqgħod fil-Qawra.
Kienet l-omm stess ta’ waħda mit-tfal – Mariella Bugeja li toqgħod il-Qawra – irrakkontat mal-ġurnal il-mument din l-istorja fejn bintha, flimkien ma’ żewġt itfal bniet oħra, telqet mill-villeġġatura fejn suppost kienet qed tinżamm u fis-satra tal-lejl, meta suppost t-tfal kienu reqdin fis-sodda tagħhom taħt il-protezzjoni tal-carers assenjati magħhom.
L-omm irrakkontat kif it-tifla tagħha issa ilha għal dawn l-aħħar snin għand is-Sorijiet ta’ Dar Fra Diegu fil-Ħamrun u dan minħabba li hi kienet għaddejja minn żmien diffiċli ħafna fejn saħansitra kellha tagħmel perijodu ta’ kura fi sptar. Madankollu issa hi ħadet saħħitha lura u qed tgħix ma’ waħda mill-ħbieb tal-familja f’appartament fi Triq Andrew Canningham fil-Qawra.
Mariella Bugeja fissret li mat-tifla tagħha għandha rapport mill-aqwa tant li żżomm kuntatt kontinwu magħha, mhux biss billi tiltaqa’ magħha u toħroġha mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa, iżda wkoll billi żżomm kuntatt magħha bit-telefon.
Hi fissret li l-lejl ta’ bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, 10 u 11 ta’ dan ix-xahar kellu jkun wieħed ta’ rutina. “Kont diġà dħalt norqod fis-sodda iżda f’ħin minnhom, għall-ħabta ta’ xis-2 a.m. smajt bħal taħbit fuq il-bieb. Issa aħna noqogħdu fis-sular ta’ fuq ta’ blokk ta’ appartamenti. Ngħidlek il-verità għall-bidu qisni ma tajtx kas għaliex lejliet, jiġifieri bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa xi ħadd kien ħalla l-bieb tal-bejt miftuħ u dan beda jħabbat bir-riħ.”
L-omm, xi drabi bid-dmugħ f’għajnejha, kompliet li f’dan il-mument hi nħasdet għax semgħet leħen it-tifla jgħajtilha “Ma, Ma. iftaħli… Ma, Ma, iftaħli… Jien.”
Hi qalet li lilha t-tfal fissrulha li telqu mir-residenza villeġġatura wara li kienet waħda mill-carers li qaltilhom li kienet lesta li tiftħilhom il-bieb ta’ barra biex jekk iridu joħorġu ‘l barra mir-residenza, u t-tfal dak li għamlu, qabdu u ħarġu ‘l barra.
Il-verżjoni ta’ waħda mit-tfal (ritratt fuqnett): Ħarġu mir-Residenza mingħajr ħadd ma waqqafhom
It-tifla fissret li dakinhar li huma ħarbu mir-residenza villeġġatura kienet lejla bħall-oħrajn. “Qabel għamlulna barbeque u ħadna gost. Naturalment ta’ tfal li aħna nibdew niċċajtaw bejnietna u f’mument minnhom kien hemm carer li daħlet tagħmel toilet jew iġġib xi barmil ilma u aħna għednilha li barra kien hemm wirdiena kbira. Dan għamilnih għax konna nafu li din il-carer partikulari kienet tibża’ mill-wirdien u għalhekk ridna nagħmlulha ċajta żgħira.
“Madankollu kien hemm waħda tifla li fetħet ħalqha u lill-carer qaltilha li mhux veru kien hemm wirdiena kbira u li allura setgħet toħroġ. Dak wassal biex bejnietna t-tfal bdejna nitfgħu xi terra lil xulxin. Fi ftit kliem dik li kienet ċajta żgħira kibret sal-punt li waħda mill-carers qaltilna li jekk ma konniex se noqogħdu kwieti kienet se tiftħilna l-bieb u stajna noħorġu ‘l barra. Dan kien għall-ħabta tas-1 a.m.”
Din it-tifla kompliet tirrakkonta li huma ta’ tfal li huma telgħu fil-kamra tagħhom, libsu żarbun, niżlu isfel, fetħu l-bieb tar-residenza u ħarġu ‘l barra… mingħajr ħadd ma waqqafhom!
It-tifla kompliet tirrakkonta li “minn hawn għaddejna minn mument tal-biża’ ħafna għax ħadd minna t-tlett itfal qatt ma ħriġna barra waħidna f’dawk il-ħinijiet ta’ dlam. Imxejna mal-perimetru tal-promenade tax-Xemxija fid-direzzjoni ta’ San Pawl il-Baħar.
“Fil-bidu ħsibna li konna se nimxuha sa Ħal Tarxien fejn toqgħod il-mamà ta’ waħda minna. Iżda mbagħad bdejna ngħejjew u l-biża’ żdied sew u għalhekk għedtilhom biex immorru nfittxu fejn toqgħod il-mama fil-Qawra.
“F’mument minnhom waqt li konna mexjin għaddejna wkoll minn ħdejn Għassa tal-Pulizija iżda din kienet magħluqa. Ma rajna l-ebda Pulizija fiha. Għalhekk bqajna mexjin u nduru minn hawn u nduru minn hemm fl-aħħar wasalna fit-triq fejn toqgħod il-mamà u t-triq għaraftha,” kompliet tirrakkonta din it-tifla.
Hi qalet li mbagħad telgħu t-taraġ biex sabu l-appartament fejn toqgħod ommha u bdiet tħabbat il-bieb biex ommha tiftħilha kif fil-fatt għamlet.
It-tifla rrakkontat kif ommha ċemplet lill-Pulizija li marru mill-ewwel u ħaduha l-Għassa fejn wara marru l-carers għalihom. “U wasalna lura r-residenza kienu xis-2.30 a.m. Iżda din l-istorja ma waqfitx hemm.
“Hi kompliet minflok intbagħtu jinħaslu u jorqdu biex jistrieħu wara din il-battikkata kbira, il-carers ordnawlhom mhux biss biex ma jmorrux jorqdu, iżda biex inaddfu l-post mill-ħmieġ li kien għamlu. U għamilna sal-jum tas-Sibt kmieni wara nofsinhar biex kilna u stajna mmorru norqdu. Fil-fatt meta morna norqdu kienu xis-2.30 p.m.!”
It-tifla, mistoqsija imma x’fetlilhom jaħarbu f’dak il-ħin fis-satra tal-lejl, qalet li ta’ tfal li huma sfidaw id-diskors tal-carer li qaltilhom li jekk riedu setgħet tiftħilhom il-bieb ta’ barra u joħorġu. “Fil-fatt hekk għamilna u ħadd ma żammna…”
Iktar dettalji fil-ġurnal il-mument,
Ritratti: It-tlett itfal ħarbu mill-kustodja tal-carers mir-residenza villeġġatura li s-Sorijiet ta’ Fra Diegu għandhom fix-Xemxija (ritratt fuq) u mxew għal għonq it-triq tul il-lejl sal-Qawra sakemm waslu f’appartament ta’ waħda mill-ġenituri tat-tfal maħruba. Fir-ritratt ta’ taħtu l-omm tidher tindika l-appartament fis-sular ta’ fuq ta’ blokk sħiħ ta’ appartamenti (ritratti: Xandru Azzopardi)
//= $special ?>



