Kenneth Gafà weħel 35 sena ħabs wara li nstab ħati mill-Qorti li fil-11 ta’ Diċembru tal-2010 qatel lill-eks sieħba tiegħu, Christine Sammut.
Il-qtil kien seħħ fl-2010, meta Gafà qatel, permezz ta’ tiri ta’ arma tan-nar, lil Christine Sammut waqt li kienet bilqegħda f’vann barra stabbiliment tax-xorb fl-Imġarr.
Sammut kienet ċediet għall-ġrieħi gravi li kienet sofriet f’għonqha, f’sidirha u idha wara li Gafà spara tiri lejha bl-intenzjoni li joqtolha.
Is-sentenza tal-Qorti ngħatat mill-Imħallef Antonio Mizzi innutat ftehim li kien intlaħaq mal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, fejn Gafà ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh, biex b’hekk evita sentenza ta’ għomor il-ħabs. Minflok hu ġie kkundannat għal 35 sena ħabs.
Hekk kif inqatgħet is-sentenza fil-Qorti qamgħet kommossjoni, partikolarment mit-tifla tal-vittma, li ġie rappurtat li għajjret lill-ħati filwaqt li qaltlu: “mur qatta ħajtek il-ħabs”.
Jirriżulta wkoll li fis-seduta tal-Qorti, wieħed mill-qraba tal-vittma pprova jattakka lil Gafà.
Ritratti: Il-vittma, Christine Sammut flimkien mat-tifla tagħha (Xarabank)



