Gvern li qiegħed ibaxxi l-istandards edukattivi biex ibigħ kull ma jista’ jbigħ, issa wkoll l-isem tal-università
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino fisser l-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern u li jbaxxi l-livell ta’ università bħala tipiku ta’ Gvern bla viżjoni, medjokri u tal-ħabi. Gvern li jimxi bil-biċċiet u mhux bil-viżjoni.
Dan il-Gvern qed jagħmlu billi jbaxxi l-istandards edukattivi, ibigħ kull ma jista’ jbigħ, issa wkoll l-isem tal-università wara li biegħ iċ-ċittadinanza; u jagħti passata żebgħa lill-medjokrita billi joqgħod jistaħba wara l-paraventu tal-kelma ‘pluraliżmu’.
Meta kien qiegħed jagħlaq id-dibattitu dwar il-mozzjoni li ressaq f’isem l-Oppożizzjoni fil-Parlament biex tassigura li ma jitbaxxewx il-livelli tal-edukazzjoni kif irid jagħmel il-Gvern bl-Avviż Legali 150 li ppubblika f’Mejju li għadda, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja qal li l-Gvern ġab ruħu b’arroganza, ħadem minn wara dahar kulħadd, bla konsultazzjoni u bla kunsens.
Fisser dan bħala nsult f’kull min jemmen fit-trasprenza u fil-kunsens biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.
Sejjaħ l-Avviż Legali bħala prodott tad-diżonestà minn Gvern li jfattar u jgħaffeġ waħdu mingħajr konsultazzjoni u kunsens.
Ibagħbas mar-regolamenti u l-liġijiet
Gvern li jaħseb li l-kunsens jista’ jimponih, u mhux jaħdem għalih, fuq l-istudenti, l-akkademiċi, l-Oppożizzjoni u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla. Gvern li qiegħed ibagħbas mar-regolamenti u l-liġijiet.
Fisser ukoll li l-Oppożizzjon hi favur kull investiment iżda mhux askapitu tal-livell u l-fama li diġà għandna filwaqt li ddikjara li l-Oppożizzjoni twiegħed li terġa’ tgħolli l-istandards edukattivi.
George Pullicino qal li b’dak li qal il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, wera li dan hu Gvern żbaljat u qarrieqi waqt li saħaq li l-Oppożizzjoni qatt ma riedet tbigħ bl-irħis il-kelma università kif qed jagħmel dan il-Gvern.
Irrimarka li 60% tal-istudenti li jmorru fl-universitajiet li semma l-Ministru Bartolo meta pprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern qed jipprova joħloq ambjent għal universitajiet simili, imorru mhux għax baxxew l-istandadrs iżda għax għandhom fama għolja u huma pubbliċi għax huma mibnija fuq ir-riċerka.
Ir-rivoluzzjoni fl-edukazzjoni wettaqha Gvern Nazzjonalista
Meta wieġeb għall-kritika li għamel il-Ministru Bartolo li bħal ta x’jifhem li hu dan il-gevrn illum li qiegħed jagħmel ir-riformi fl-edukazzjoni, George Pullicino semma kif meta ggradwa hu fl-1990, kienu biss 840 l-istudenti meta llum l-Università ta’ Malta tilqa’ aktar minn 11,500.
Id-Deptat Nazzjonalista saħaq li hi din l-akbar revoluzzjoni li twettqet, u dwar dan Gvern Nazzjonalista hu dejjem kburi b’dak li wettaq, fosthom ukoll b’ħafna opportunitajiet ta’ studji li bdew jingħataw lill-istudenti wara li nfetħu l-bibien tal-Università.
Filwaqt li elenka numru ta’ riformi u inizjattivi li ħadu gvernijiet Nazzjonalisti biex bnew pedamenti sodi tas-settur edukattiv, George Pullicino fisser li Gvern Nazzjonalista dejjem fittex li jħares u jgħolli u jagħti l-aqwa livell tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Semma li l-Gvern Laburista qatt ma kellu storja biex jiftaħar fuq il-pluraliżmu f’dan il-pajjiż. Gvern li qed ikompli juri li jaf kollox biss hu u ma jikkonsulta ma’ ħadd.
Bħas-soltu, kompla jikkritika lill-Gvern, li jekk tikkritikah jgħidlek negattiv, mhux kompetittitiv, li tkun favur il-monopolju, waqt li jattakka personalment.
Kritika qawwija minn kulħadd
Fakkar lill-Ministru Bartolo li l-Gvern sab kritika qawwija dwar dan l-Avviż Legali mill-MUT, mill-studenti, u mill-akkademiċi wara li l-Gvern għadda minn fuq kulħadd, u anke minn fuq il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li nġabet pupazz tal-Gvern. Dan kollu sar ukoll b’nuqqas ta’ konsultazzjoni u fil-moħbi kif jaqbel lil ta’ madwaru.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni sejjaħ il-metodu ta’ segretezza li bih tfassal l-Avviż Legali, bħala turija li kien hemm mottivi oħrajn. Staqsa għalfejn il-ħabi? Għalfejn ma kkonsulta ma’ ħadd? Livelli li qed jitbaxxew fl-istess ħin li l-Gvern qed jgħid li b’kumbinazzjoni jrid università Ġordaniża.
Staqsa wkoll jekk bir-regolamenti tal-2012, din l-università Ġordaniża kinitx tilħaq dawn ir-rekwiżiti, għax jekk le, ifisser li l-bidliet riedhom il-Gvern biex din l-università Ġordaniża tiżloq mir-regolamenti
Bżonn ta’ politika mibnija fuq il-kunsens
Appella lill-Gvern li jekk pajjiżna jrid jibqa’ jaċċella, ma jbaxxiex l-istandards iżda jibni politika fuq il-kunsens kif għamel Gvern Nazzjonalista li dejjem għolla l-istandards bħalma għamel fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li qed jgħid li jrid iżomm standards għoljin, minn gvern li jgħid li hu trasparenti u li jisma’, meta la għamel konferenza stampa dwar ir-regolamenti l-ġodda li ppubblika, la konferenza nazzjonali, u lanqas xi seminar.
George Pullicino saħaq li dwar dak li l-Gvern għamel m’hemmx kunsens għaliex la l-Gvern u lanqas il-Kummissjoni ma kienu trasparenti għax stħaw jikkonsultaw dwar regolamenti kif riedhom il-Gvern biss. Minkejja li l-liġi titlob li jkun hemm konsultazzjoni, il-Gvern iddeċieda li jgħaddi minn fuq kulħadd.
Fakkar u kkwota minn stqarrijiet ta’ kritika qawwija li ħarġu l-KSU, l-MUT kif ukoll il-lecturers tal-Università li kollha esprimew it-tħassib fuq in-nuqqas ta’ proċess bla trasparenza u bla konsultazzjoni.
Avviż Legali, qal id-Deputat Nazzjonalista, li ħareġ biex jaqdi lil min irid il-Gvern biss u mhux biss baxxa l-obbligi, iżda taħt l-iskuża tal-interess nazzjonali tista’ tingħata wkoll liċenzja ta’ università lil min ikun medjokri.
Innota wkoll li f’intervent ta’ 65 minuta, il-Ministru Bartolo ma rrifera xejn għall-mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Steden lill-Ministru mingħajr dewmien ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dan l-Avviż Legali jekk din il-Kummissjoni kkonsultat kif kellha l-obbligu li tagħmel u bħalma kienet għamlet fl-2012.
Filwaqt li rrimarka wkoll li saru biss żewġ konferenzi tal-aħbarijiet dwar dan l-Avviż Legali li l-Kummissjoni ddefendiet, George Pullicino qal li la l-Kummissjoni u lanqas il-Gvern m’għandhom il-kunsens tal-istudenti u tal-akkademiċi tal-Università, u lanqas tal-MUT.
Kien jistenna atteġġjament aktar professjonali u responsabbli anke miċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali, u mhux aġir ta’ min farfar ir-responsabbiltà minn fuq spallejh u pprova jwaqqagħha għaċ-ċajt u jispiċċa jtellef il-fama u r-reputazzjoni li kienet inbniet.
Il-Prim Ministru ftaħar li f’minuta ftehmu
George Pullicino qal li llum jinftiehem għaliex in-negozjant Ġordaniż mar għand il-Prim Ministru u ftaħar li f’minuta ftehmu. Staqsa kif fid-dibattitu l-Ministru qal li l-liċenzja se tkun iebsa ma’ dan in-negozjant meta hemm dikjarazzjoni ċara li diġà hemm ftehim. Sejjaħ dan bħala aġir xejn denju kemm għall-Gvern kif ukoll għall-pajjiż bi gvern li qed ikisser dak li nbena u dak li nkiseb fl-edukazzjoni f’pajiżna. Ikkritika wkoll lill-Gvern li f’dan il-każ ukoll ma ppubblikax il-Heads of Agreement u talab lill-Ministru jippubblika l-ftehim mal-hekk imsejħa università.
Tkellem ukoll dwar il-bidliet proposti biex l-MCAST tkun tista’ takkredita lilha nnifisha fil-livell ta’ Masters u Postgraduate Diplomas (MQF 7).
George Pullicino qal li għax l-Oppożizzjoni temmen ħafna fl-MCAST u trid li jiżomm u jtejjeb il-livelli, trid tiċċara x’wassal lill-Gvern biex jiddeċiedi li l-MCAST jakkredita lilu nnifsu fil-livell 7, jiġifieri fi programmi ta’ Masters u Postgrad Diploma, u ma jkunx akkreditat minn istituzzjoni indipendenti, imma jakkredita lilu nnifsu.
Staqsa lill-Gvern jispjega minn fejn oriġinat din il-proposta, xi studju sar biex wasal għal din it-talba, u jekk il-Kummissjoni għamlitx rakkomandazzjoni fuq il-bażi ta’ xi proposta jew studju dwar din id-deċiżjoni. Talab lill-Ministru jpoġġi l-istudji li saru fuq il-mejda tal-Kamra.
Studenti miċ-Ċina, l-Indja u l-Korea t’Isfel
Fir-reazzjoni għall-ebda tħassib li esprimiet l-Oppożizzjoni, u minflok spjega li l-pass li ħa l-Gvern permezz ta’ dan l-Avviż Legali, ittieħed biex jiġu indirizzati r-realtajiet tal-lum.
Qal li ħadd mhu se jixtri l-liċenzja ta’ universita għaliex qal li kull min jakkwista din il-liċenza jrid jaħdem għaliha.
Tkellem ukoll dwar ix-xejriet ġodda fl-edukazzjoni ogħla u fl-universitajiet, u kkritika li l-Avviż Legali tal-2012 ma jagħtix kas tar-realtajiet u l-bidliet kbar li qed iseħħu.
Il-Minsitru Bartolo qal li l-Gvern irid ibiddel l-attività tal-edukazzjoni ogħla u tal-università, b’attività ġdida, fosthom settur li jiġbed lejh eluf ta’ studenti mis-suq enormi li qed jistudjaw barra minn pajjiżhombbiex nieħdu minn dan is-suq ċifri realistiċi għalina.
Filwaqt li qal li t-tibdil li qiegħed isir bl-Avviż Legali ma kellu x’jaqsam xejn mal-università proposta fiż-Żonqor, semma li l-aktar tliet pajjiżi li se jkunu qed jibagħtu studenti jistudjaw barra pajjiżhom fis-snin li ġejjin huma ċ-Ċina, l-Indja u l-Korea t’Isfel.
//= $special ?>