Lokali Parlament

Bi kwart ta’ miljun ewro mill-BOV u ma jħallas xejn jekk jidħol lura fl-2018

F’dibattitu fil-Parlament wara li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ressaq lista ta’ persuni li spiċċaw mill-Bank of Valletta bi skema ta’ rtirar, il-Kap tal-Opożizzjoni ddikjara wara sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġbiet, li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon hu l-uniku fil-lista li ngħata aktar minn kwart ta’ miljun bid-dritt li jekk jidħol fl-2018 ma jħallas xejn lura mis-somma li ħa bl-iskema.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal fil-Parlament li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon baqa’ ma qalx u ma weġibx għall-mistoqsija ċara dwar jekk iħallasx lura mis-somma ta’ €260,000 jekk jidħol fis-sena 2018.

Is-Segretarju Parlamentari baqa’ jwieġeb mingħajr ma jagħmel ebda riferenza għas-sena 2018, u jgħid li jekk jidħol lura jħallas pro-rata mis-somma li akkwista bl-iskema tal-irtirar.

Dan id-dibattitu tqajjem wara li fil-bidu tas-seduta tal-lejla, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li ħadu l-iskema ta’ rtirar kmieni mill-Bank of Valletta.

Michael Falzon iddefenda lilu nnifsu billi qal li hu ma ngħatatx skema li ma kienx jikkwalifika għaliha, u kien hemm min ingħata aktar milli ħa hu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lil Michael Falzon ripetutament għaliex baqa’ ma jweġibx, jekk dawk li ħadu l-isess skema ta’ rtirar mill-BOV, għandhomx l-istes kuundizzjonijiet, u li żammew id-dritt li jidħlu lura għax-xogħol fil-BOV.

Għan-nuqqas ta’ tweġiba ċara, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bil-mod kif wieġeb Michael Falzon, għandna konferma li s-Segretarju Michael Falzon hu l-uniku wieħed li għandu din il-kundizzjoni u mhux veru li għandu l-istess kundizzjonijiet bħal ħadd ieħor għaliex jekk imur lura fl-2018 ma jagħtix ċenteżmu lura.

Simon Busuttil qal li hu kien qed jikkwota dak li kien rappurtat fil-media, u kien qed jibqa’ jressaq il-mistoqsija li s-Segretarju Parlamentari baqa’ ma jweġibx dwar xi jħallas jekk imur lura fl-2018 u mhux qabel.

Iddikjara wkoll li Michael Falzon ħa 260,00 ewro fi skema ta’ rtirar, u b’differenza għal ħaddieħor żamm id-dritt li jidħol lura mal-BOV kuntrarjament għal dak li jista’ jagħmel ħaddieħor.

B’rabta mal-informazzjoni li s-Segretarju Parlamentari poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dwar il-persuni li ħadu l-iskema tal-irtirar mill-Bank of Valletta, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino staqsa jekk id-data li ppreżenta hix informazzjoni pubblika jew le, u jekk kull persuna għandhiex aċċess jew kellha aċċess għal din l-informazzjoni, u jekk iva minn fejn.

Għat-tweġiba ta’ Michael Falzon li l-lista li ppreżenta fl-Parlament dehret fuq il-websajt tal-BOV, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino talab lis-Segretarju Parlamentari jagħti l-link tal-websajt u staqsa wkoll jekk hemmx l-ammont li ngħataw dawn il-persuni.

Michael Falzon qal li ma kienx hemm l-ammonti u ma jinteressahx mill-ammonti, bil-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar rimarki tiegħu li l-uniku interess tal-Oppożizzjoni hu li toħroġ il-verità dwar skema oxxena li ngħata, bis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon irid jagħti kont lix-shareholders tiegħu billi jgħid jekk imur lura wara erba’ snin għall-ħabta ta’ Ġunju 2018 kemm irid iħallas lura mill-kwart ta’ miljun li ħa – liema mistoqsija baqa’ ma weġibx.