“Tifikra taż-Żonqor” kien il-messaġġ li ngħata lill-Membri Parlamentari minn attivisti tal-Front Ħarsien ODZ meta dalgħodu qasmu tifkira li tikkonsisti minn ġebel taż-Żonqor bil-messaġġ “aħjar Żonqor milli tifkira tiegħu.”
Il-Front Ħarsien ODZ qassam dan il-ġebel lill-Membri Parlamentari f’messaġġ biex ma jinsewx id-dmir tagħhom li jiddefendu ż-Żonqor mill-iżvilupp waqt li l-Parlament ma jkunx qed jiltaqa’ fis-sajf.
F’Konferenza tal-Aħbarijiet dalgħodu, il-Front Ħarsien ODZ esprima d-diżappunt li l-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija Ġordaniża Sadeen Construction Group għadu ma ġiex pubblikat u tenna li dan juri n-nuqqas sħiħ ta’ trasparenza dwar din il-kwistjoni.
Intqal li l-Gvern jidher li jrid jevita l-iskrutinju Parlamentari u li l-Gvern hu obbligat li jħabbar kull deċiżjoni dwar dan il-proġett waqt li l-Parlament ikun għadu qed jiltaqa’ biex b’hekk il-Membri Parlamentari jkunu jistgħu jistaqsu l-mistoqsijiet u anke jitolbu li jsir dibattitu fil-Parlament.
Il-Front saħaq li qed jinsisti li kull deċiżjoni dwar iż-Żonqor għanda titħabbar waqt li l-Parlament ikun qed jiltaqa’ u mhux waqt il-waqfa tas-Sajf. In-nuqqas ta’trasparenza f’din il-kwistjoni tindika li Gvern għandu ras taż-Żonqor u mhux lest jisma minn dawk li għandhom għal qalbhom il-ġid komuni, temm jgħid il-Front Ħarsien ODZ.
//= $special ?>

