Lokali Parlament

FILMAT : Tkissirx il-kunsens nazzjonali li bnejna b’tant tbatija – Simon Busuttil

Flok jgħolli l-istandards, qed ibaxxihom

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Gvern ma jkissirx il-kunsens nazzjonali li nbena b’tant tbatija fis-settur inportanti tal-edukazzjoni f’pajjiżna meta l-Gvern, bil-pubblikazzjoni ta’ Avviż Legali li bih qiegħed ibigħ it-titolu ta’ università bir-ribass, flok jgħolli l-istandards ta’ università qiegħed ibaxxihom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Gvern ma jkissrx il-kunsens nazzjonali li nbena b’tant tbatija fis-settur inportanti tal-edukazzjoni f’pajjiżna meta l-Gvern, bil-pubblikazzjoni ta’ Avviż Legali li bih qiegħed ibigħ it-titolu ta’ università bir-ribass, flok jgħolli l-istandards ta’ università qiegħed ibaxxihom.

Meta dalgħodu tkellem fil-Parlament dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-Avviż Legali 150 tal-2015, mozzjoni biex tassigura li l-livell tal-edukazzjoni ma jitbaxxiex kif irid jagħmel il-Gvern bl-Avviż Legali ppubblikat minn dan il-Gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka li b’dan l-Avviż Legali l-Ministru Evarist Bartolo qed jgħid lil kull min libes it-toga li iċ-ċertifikat tiegħek se jiżvalutah. Dan għaliex minn issa se jibda jbigħ il-liċenzji biex kull Ċikku u Peppu li jagħżel hu – fl-interess nazzjonali – jibda jissejjaħ università.

Għaldaqstant il-Gvern qed jgħid lil kull student l-università; kull min hu gradwat mill-univeristà, kull min huwa għalliem fl-università li qed jiżvaluta l-kwalifika li tant ħadmu għaliha billi jbiegħ it-titolu ta’ università bir-ribass wara li biegħ iċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.

Qegħdin niddiskutu r-regoli proposti għal-liċenzji u l-akkreditazzjoni tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla permezz ta’ Avviż Legali 150. L-Oppożizzjoni, kif inhu dritt tagħha, ġabet dan l-Avviż Legali għad-diskussjoni u l-vot quddiem il-Parlament għax dan hu Avviż Legali tipiku ta’ Gvern bla viżjoni, Gvern li flok jaħdem għall-kunsens, ikisser il-kunsens – issa anke dwar l-edukazzjoni. Gvern li flok jgħolli l-istandards qiegħed ibaxxihom.

B’dan l-Avviz Legali l-Gvern qiegħed ibaxxi l-istandards edukattivi; ipoġġi għall-bejgħ issa anki t-titolu ‘università; jgħatti x-xemx bl-għarbiel meta jipprova jimpressjona li qed jagħmel xi ħaġa tajba billi jsejjħilha ‘pluraliżmu’ meta fil-fatt diġà għandna pluralizmu fl-edukazzjoni terzjarja; jagħmel bidliet radikali mingħajr konsultazzjoni; la kkonsulta lill-Università, la lil-lecturers, la l-istudenti u lanqas lill-Oppożizzjoni; u jipperikola l-indipendenza tal-istituzzjonijiet billi jagħtihom diskrezzjoni li tista’ tiftaħhom faċilment għal pressjoni politika. Dan kollu, qal Simon Bususttil, qed isir b’detriment tal-istudenti Maltin u tal-isem tajjeb tagħna l-Maltin.

Gvern Nazzjonalista kien mexxa konsultazzjoni wiesgħa
Semma li biex għandna r-regolamenti li għandna llum, il-Kummissjoni kienet għamlet konsultazzjoni wiesgħa, iddeliberat bir-reqqa, waslet għal konsensus ġenerali mal-istakeholders, u kienet il-fehma ġenerali li l-pass li jmiss permezz tar-regolamenti tal-2012 kien li nattiraw, niġbdu lejn Malta istituzzjonijiet ta’ fama tajba li setgħu jilħqu l-livelli għoljin tar-regolamenti tal-2012. Mira biex niġbdu istituzzjonijiet barranin ta’ isem tajjeb u mhux tal-ħabbagozz.

Dawn il-livelli għoljin huma bħal patt mas-soċjetà tagħna li l-edukazzjoni f’pajjiżna, joffriha min joffriha, kemm entità pubblika kif ukoll privata, tkun tal-aqwa livell u biex tilqa’ għall-isfidi tal-futur.

Semma li l-istandards għoljin tal-2012 saru biex ikunu ta’ inċentiv u ta’ attrazzjoni għal investiment tal-aqwa kwalità f’dan is-settur kruċjali u biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-esperti permezz ta’ awtorità awtonoma u abażi ta’ kriterji ċari u oġġettivi, u li jkunu applikati b’mod ġust u konsistenti ma’ kulħadd, bla ebda ndħil politiku.

Simon Busuttil qal li f’pajjiżna università waħda għandna; università prestiġġjuża, imwaqqfa aktar minn 400 sena ilu, illum b’fama internazzjonali.

F’daqqa waħda dawwarna r-rotta
Issa, f’daqqa waħda, qal Simon Busuttil, il-Gvern Laburista, il-Ministru Evarist Bartolo, dawwar ir-rotta. U dak li qed jagħmel illum huwa aktar gravi minn meta neħħa l-istipendji fil-Gvern ta’ Alfred Sant. Elenka lista li turi dak li hu ħażin fir-regolamenti ta’ Evarist Bartolo.

It-tnaqqis tal-kriterji biex xi ħadd jopera università f’Malta
Semma li quddiemna għandna Avviż Legali li l-Gvern qabad u ħareġ u li jżarma l-istruttura sħiħa ta’ livelli li kellna; Avviż Legali li jibdel għall-agħar mhux għall-aħjar. Avviż Legali maħsub primarjament biex jaqdi lil dawk li jridu jinqdew bl-isem tajjeb li Malta kellha s’issa f’dan il-qasam tal-edukazzjoni ogħla u li jridu jirkbu fuq din ir-reputazzjoni li bnejna tul is-snin mingħajr mhuma stess iżommu l-ħtiġiet ta’ soċjetà moderna, ċivili u ta’ kwalità.

Bl-Avviż Legali li l-Gvern Laburista qabad u ħareġ, università tista’ tkun kwalunkwe kumpanija kummerċjali li toffri programmi fil-livell ta’ bachelor jew master f’mill-anqas erba’ oqsma ta’ studju flok sitta; u programm wieħed fil-livell ta’ dottorat f’qasam wieħed biss ta’ studju flok erbgħa.

Dawn il-bidliet, saħaq Simon Busuttil, se jbiddlu b’mod fundamentali t-tifsira ta’ x’inhi università.

It-tneħħija tar-rabta bejn it-tagħlim u r-riċerka
L-Avviż Legali qed ineħħi wkoll il-bżonn li ‘università’ jkollha kemm it-taħriġ għar-riċerka kif ukoll l-attività tar-riċerka għax għal dal-Gvern, it-taħriġ għar-riċerka u r-riċerka nnifisha mhumiex bżonn essenzjali għal edukazzjoni ogħla ta’ kwalità.

Dawn il-bidliet juru li l-Gvern lanqas biss japprezza r-rabta qawwija li hemm bejn ir-riċerka u l-edukazzjoni għolja ta’ kwalità – rabta fundamentali li titkellem dwarha l-letteratura kollha fuq l-edukazzjoni għolja ta’ kwalità.

Enfasizza li t-tagħlim u r-riċerka huma inseparabbli, kif jgħid id-dokument li nieda l-Proċess ta’ Bologna. U dan ma jgħiduhx biss ir-retturi ta’ mijiet ta’ universitajiet. Qaluh ukoll ir-rappreżentanti tal-istudenti Maltin.

L-Oppożizzjoni taqbel mar-retturi ta’ mijiet ta’ universitajiet u mal-istudenti tagħna li jridu edukazzjoni ta’ kwalità.

Kriterji suġġettivi mlibbsin il-libsa tal-‘interess nazzjonali’
U l-agħar waħda, semma l-Kap tal-Oppożizzjoni, li l-Avviż Legali jżid ukoll klawsola li tidher innoċenti li bażikament tgħid li jekk xi ħadd japplika għal liċenzja għal università u lanqas biss jilħaq dawn il-livelli baxxi li qed ibaxxi dan l-Avviż Legali, il-Kummissjoni tkun tista’ tagħtih xorta waħda l-liċenzja ta’ università abażi tal-‘interess nazzjonali’.

Irrimarka li l-proposti li għandna quddiemna jżarmaw l-istruttura kollha li kellna s’issa billi jagħtu lill-Kummissjoni l-possibbilità li tinjora l-livelli diġà baxxi li qed jagħmel dan l-Avviż Legali biex fil-każ ta’ applikanti saħansitra aktar medjokri li lanqas biss ikunu kapaċi jilħqu dawn ir-regolamenti li jnaqqsu l-oqsma ta’ studju u jneħħu għal kollox il-bżonn tat-taħriġ għar-riċerka u tar-riċerka nnifisha. Il-Kummissjoni xorta tkun tista’ tinvoka l-klawsola dwar l-interess nazzjonali u barra bid-daqq: tagħti l-liċenzja ta’ università anke lil min hu saħansitra aktar medjokri mill-medjokri. U dan fl-hekk imsejjaħ ‘interess nazzjonali’. “Tal-mistħija” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Filwaqt li semma wkoll l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Iżgurar tal-Kwalità fiz-Zona Ewropea tal-Edukazzjoni Ogħla, qal li l-klawsola li tagħti poteri daqshekk suġġettivi lill-Kummissjoni Nazzjonali biex toħroġ liċenzji u akkreditazzjoni fuq il-bażi ta’ xi ħaġa xejn definita taħt il-kappa ta’ ‘interess nazzjonali’ hi ħażina ħafna għax tmur kontra l-Istandards u l-Linjigwida Ewropej. Tmur ukoll kontra l-prinċipji ġenerali tal-liġi – li regolamenti għandhom ikunu ċari u jfasslu kriterji espliċiti u oġġettivi u li dawn il-kriterji ċari għandhom jintużaw b’mod konsistenti ma’ kulħadd.

L-Avviż Legali jmur b’mod qawwi kontra dawn il-prinċipji. Flok regolamenti ċari, espliċiti, oġġettivi, pubblikati u konsistenti, jagħti libertà assoluta lill-Gvern u lill-Kummissjoni biex jagħmlu li jridu taħt il-kappa tal-‘interess nazzjonali’. Staqsa fejn huma l-prinċipji ta’ governanza tajba, tat-trasparenza u tas-serjetà?

Il-ħrafa tal-‘pluraliżmu’
Simon Busuttil kompla li l-Gvern mhux jappoġġja l-pluraliżmu imma l-medjokrità u dawk li jiltaqa’ magħhom f’minuta u li jridu jagħmlu l-flus mir-reputazzjoni tajba ta’ Malta waqt li jgħarrquhielna. L-ewwel biegħ iċ-ċittadinanza, issa se jbigħ it-titolu ta’ ‘università’ lill-ewwel xerrej li jmur Kastilja u jiftieħem bil-moħbi mal-Prim Ministru biex jiżviluppa xi art verġni bħall-art fiż-Żonqor. Gvern fejn kollox u kulħadd jinbiegħ u jinxtara.

L-argument tal-Gvern hu, fisser il-Kap tal-Oppożizzjoni, li billi jneħħi x-xkiel, Malta tkun tista’ tattira aktar operaturi fl-edukazzjoni ogħla, aktar minn dawk li hu jsejjaħ ‘universjitajiet’, u allura jkollna aktar pluraliżmu. Dan huwa argument bażwi għax illum diġà jistgħu jiġu entitajiet edukattivi u jekk jissodisfaw il-kriterji għolja li kellna, setgħu jissejħu ‘università’.

Bidliet bil-moħbi – bla konsultazzjoni, bla konsensus – għax hemm motivi ulterjuri (il-proġett taż-Żonqor)
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan l-Avviż Legali jġibna għall-ħabi kbir fil-proċess kollu ta’ dan l-Avviż Legali. Il-metodu tas-segretezza li bih tfassal u kien adottat dan l-Avviż Legali jurina li, bħal f’ħafna każi oħra, hemm motivi oħrajn għal dan l-Avviż Legali u mhux dawk li qed jgħid il-Gvern. Għax, inkella, għalfejn il-ħabi?

Simon Busuttil qal li għandna ċar quddiemna l-fatt li l-istandards fl-edukazzjoni ogħla qed jitbaxxew fl-istess żmien li fih il-Gvern qed jgħid li jrid l-Università Ġordaniża taż-Żonqor. Il-Gvern qed jgħid li din hi kumbinazzjoni.

Il-mistoqsija li turi li din mhi kumbinazzjoni xejn, hi jekk bir-regolamenti tal-2012, l-Università Ġordaniża taż-Żonqor kinitx tikkwalifika għal liċenzja ta’ università? Jekk iva, allura x’hemm bżonn dawn il-bidliet? Jekk le, allura nafu għaliex dawn il-bidliet.

Dan il-Gvern li suppost hu Gvern Li Jisma’, ma sema’ xejn, lanqas fuq din. Qabad u għaffeġ waħdu, bla konsultazzjoni ma ħadd – eżatt bil-maqlub ta’ dak li kien sar fl-2007.

Ir-raġuni għala m’għandniex konsensus dwar dawn ir-regolamenti l-ġodda, parti mir-raġuni għala għandna dawn il-proposti nejjin hi, li la l-Gvern u lanqas il-Kummissjoni ma kienu trasparenti dwar dak li jridu jagħmlu u li qed jagħmlu permezz ta’ dan l-Avviż Legali.

Nistgħu nifhmu għala, fisser Simon Busuttil, għax kienet tkun imbarazzanti għall-Gvern li jmur jikkonsulta dwar regolamenti li huma pass lura flok ‘il quddiem. Nifhimha imma mhix raġuni valida.

Il-fatt li dan l-Avviż Legali ħareġ fl-istess żmien li l-Gvern kellu t-talba biex issir Università Ġordaniża fiż-Żonqor iqanqal ukoll mistoqsijiet gravi mhux biss dwar is-sustanza ta’ dawn ir-regolamenti ġodda imma wkoll dwar il-mod kif saru l-affarijiet. Terġa’, saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, f’dan il-każ il-konsultazzjoni u t-trasparenza huma obbligatorji bil-liġi – jiġifieri meta naqas li jikkonsulta, il-Gvern kiser il-liġi.

Spjega li żgur hu ċar li la l-Kummissjoni u lanqas il-Gvern m’għandhom il-kunsens la tal-Oppożizzjoni, la tal-istudenti tal-Università, la tar-rappreżentanti tagħhom, la tal-akkademiċi li pubblikament maqdru n-nuqqas ta’ trasparenza li biha qed isiru l-affarijiet, u lanqas ta’ istituzzjonijiet u stakeholders f’dan is-settur.

Theddida għall-indipendenza u l-għarfien tal-Kummissjoni Nazzjonali
Semma wkoll li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla ilha topera biss mill-2012 u suppost li wara numru ta’ snin takkwista ċertifikazzjoni/għarfien mill-EQAR, il-European Quality Assurance Register for Higher Education. Imma l-ġrajjiet ta’ dan l-aħħar żgur ma jgħinux – u jistgħu jkunu theddida – għall-għarfien tal-Kummissjoni bħala istituzzjoni indipendenti li tiżgura l-kwalità.

Żewġ elementi importanti, fisser Simon Busuttil, huma l-mod kif qed taġixxi l-Kummissjoni b’mod li tidher li hi kontrollata mill-Gvern u tagħmel dak li jrid il-Gvern kif deher f’numru ta’ inċidenti. Sejjaħ li din mhix indipendenza imma mod kif il-Gvern Laburista qed ineżża’ lill-istituzzjonijiet minn kull awtorità.

It-tieni hi wkoll l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ ‘interess nazzjonali’ flok il-kriterji oġġettivi u espliċiti li jixirqu lil istituzzjoni bħall-Kummissjoni.

Semma li huwa ċarissimu wkoll li għaddejja pressjoni fuq il-Kummissjoni Nazzjonali biex tfittex tgħaġġel il-proċess tal-akkreditazzjoni tal-Università Ġordaniża fiż-Żonqor. Staqsa jekk din hix se tiġi rikonoxxuta bħala università fl-interess nazzjonali jew fl-interess ta’ Joseph Muscat?

Sostna li dan jhedded l-indipendenza u s-serjetà ta’ istituzzjoni bħal din li l-Gvern qed iġibha wkoll istituzzjoni hi stess medjokri li suppost tħaddem regolamenti li huma wkoll medjokri.

Appell għall-kunsens
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella b’sinċerità f’isem l-Oppożizzjoni, għall-kunsens. L-appell lill-Gvern hu biex jisma’ tassew, biex jikkonsulta tassew, biex jiddiskuti tassew u biex jaħdem għall-kunsens. Biex jagħmel dan għandu jirtira dan l-Avviż Legali.

Filwaqt li appella biex ma nkissrux il-kunsens li bnejna matul is-snin b’tant tbatija, irridu l-kwalità tal-edukazzjoni għax hekk jixraq lil Malta u lill-isem tajjeb tagħha u hekk jixraq lill-istudenti u l-ħaddiema Maltin. Dan l-Avviż Legali jagħżel il-medjokrità fuq il-kwalità. Jagħżel l-impożizzjoni fuq il-konsultazzjoni.

Simon Bususttul iddikjara li Gvern Nazzjonalista fil-futur jerġa’ jgħolli l-istandards u jerġa’ jdaħħal ir-regolamenti ta’ livell u konsenswali li kellna s’issa għall-edukazzjoni ogħla.

L-Oppożizzjoni hija favur l-isem tajjeb ta’ Malta, favur l-aqwa livell edukattiv f’Malta u favur l-istudenti Maltin u Għawdxin li jixirqilhom l-aħjar.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni trid il-kunsens, mhux l-impożizzjoni; il-kwalità, mhux il-medjokrità; il-fama tajba ta’ Malta mhux il-bejgħ ta’ isimha.