Lokali Qorti

Il-begigga – tradizzjoni f’riskju li tinqered

Il-begigga, tradizzjoni antika marbuta b’mod speċjali fil-Birgu, tista’ tintilef għal kollox. Din it-tradizzjoni sseħħ b’mod speċjali mal-lejl ta’ bejn is-Sibt u Ħadd-il Għid fejn grupp ta’ nies b’mod spontanju jinġabru fil-pjazza tar-raħal b’ammont ta’ oġġetti u jduru mat-toroq tal-lokal f’nofs ta’ lejl jagħmlu l-istorbju.

Din it-tradizzjoni ilha ssir snin twal, imma llum ittellgħu żewġ persuni li kienu parti minn grupp itwal li ħadu sehem f’waħda mill-aħħar drabi li saret il-begigga. Dawn il-persuni tħarrku fuq akkużi li m’applikawx biex jinġabru f’ġemgħa, li għamlu attivita’ pubblika mingħajr permess, li kisru l-mistrieħ tan-nies u li kisru l-paċi pubblika b’mod volontarju.

Dawn il-persuni tressqu l-Qorti iktar kmieni llum imma nħelsu mill-akkużi minħabba li l-Prosekuzzjoni ma niżżlitx id-data ta’ meta dawn ħadu sehem fil-begigga. Madankollu dan is-sit hu nfurmat li għaddejja nvestigazzjoni bl-għan li jinstabu iktar persuni li ffurmaw parti minn dan il-grupp tal-begigga.