Lokali

Il-“Conversion Therapy” se ssir reat kriminali

Il-Gvern wera rieda politika biex ibiddel l-affarijiet u fejn hemm ir-rieda politika, din twassal biex l-opinjoni pubblika tibda tinbidel. Waqt laqgħa mal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ f’Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-pass li jmiss wara l-introduzzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni Ċivili u l-Identita’ tal-Ġeneru, hu l-implimentazzjoni biex dawn il-liġijiet ma jibqgħux fuq il-karta.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Drittijiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-ħidma issa se tiffoka sabiex tkun indirizzata l-ugwaljanza vera. Żewġ abbozzi ta’ liġijiet li mistennija jitressqu fil-ġejjieni huma abbozz ta’ liġi li jagħti aċċess għall-IVF lil koppji tal-istess sess u abbozz ta’ liġi biex l’hekk imsejjħa “conversion therapies” isiru reat kriminali.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ Gabi Calleja qalet li l-kunsill konsultattiv ħadem għal dawn l-aħħar xhur u sar ħafna progress. Madanakollu qalet li għad fadal ħafna xi jsir u għaldaqstant il-Kunsill Konsultattiv ħejja numru ta’ miżuri minn diversi ministeri sabiex ikun hawn ugwaljanza vera.