IN-NAZZJON, jirrapporta l-intervista tal-Kap tal-PN Simon Busuttil fuq Radio 101 wara li rritorna minn żjara uffiċċjali fiċ-Ċina. Matul din l-intervista, Simon Busuttil qal li f’siegħa, ingħataw iktar informazzjoni mill-uffiċjali ta’ Shanghai Electric milli ta l-Gvern Laburista f’sentejn sħaħ. Fl-ewwel faċċata hemm ukoll rapport dwar kif il-Ministru Edward Zammit Lewis qed juża l-Air Malta biex jaqdi n-nies tad-distrett.
TIMES OF MALTA, jirrapporta fl-ewwel faċċata l-istorja dwar l-attur magħruf Malti John Suda li lbieraħ tressaq quddiem il-Qorti akkużat b’attentat fuq il-pudur ta’ tfajla ta’ 22 sena. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-liberta’ proviżorja. Fl-ewwel faċċata wkoll jibda rapport dwar l-intervista lill-Kap tal-PN Simon Busuttil bit-titlu “Who is Gaffarena bribing?”
THE MALTA INDEPENDENT, ukoll jiddedika parti kbira mill-ewwel faċċata lill-każ John Suda. Dan il-ġurnal ikompli fejn ħalla lbieraħ dwar l-istorja dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg li xtara art bil-prezz miżeru ta’ €10,000 minn anzjan li għandu problemi ta’ saħħa mentali.
Anki L-ORIZZONT jiddedika parti mill-ewwel faċċata lill-każ John Suda. Rapport ieħor fuq l-ewwel faċċata jittratta l-protesta paċifika li saret ilbieraħ mill-immigranti tul it-toroq tal-Belt Valletta, b’sejħiet għal drittijiet, għal permessi ta’ residenza fit-tul u ta’ ċittadinanza.