Ambjent Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ għaddej u jinjora l-appelli tas-soċjetà ċivili

Approvati t-tliet liġijiet ambjentali mill-istadju tat-Tieni Qari, minkejja appelli biex it-tieni stadju jkompli wara l-konsltazzjoni

Il-Gvern, bil-maġġoranza li għandu fil-Parlament, approva t-tliet liġijiet ambjentali mill-istadju tat-Tieni Qari kontra l-appelli tal-Oppożizzjoni kif ukoll tas-soċjetà ċivili fosthom tal-għaqdiet ambjentali li talbu lill-Gvern li l-ewwel jistenna li jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni qabel ma jsir id-dibattitu fil-Parlament.

Fuq dawn it-tliet liġijiet b’rabta mal-ambjent u li permezz tagħhom il-Gvern se jkun qiegħed iżarma l-MEPA u jwaqqaf żewġ awtoritajiet għall-ambjent u l-ippjanar li se jkunu separati minn xulxin, l-Oppożizzjoni ma ħaditx sehem fid-dibattitu.

Minbarra li l-Oppożizzjoni vvutat kontra dawn il-liġijiet fil-Parlament, appellat lill-Gvern fuq kull liġi li ressaq għad-dibattitu, biex jissosspendi d-dibattitu dwar dawn il-liġjiet biex jitħalla l-ewwel isir u jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni.

L-Oppożizzjoni na ħaditx sehem fid-dibattitu għaliex tenniet li trid tisma’ l-ewwel lis-soċjetà ċivili qabel ma tiddibatti dawn il-liġijiet.

Il-votazzjonijiet fuq dawn it-tliet liġijiet kienu approvati mill-istadju tat-Tieni Qari, bi 33 vot favur u 27 kontra. Dan hu vot li juri kif il-Gvern baqa’ jinjora l-appelli biex iħalli l-ewwel li jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni.

L-Għaqdiet ambjentali kienu talbu biex jitwal il-proċess ta’ konsultazzjoni wara li l-Gvern kien ta avviż ta’ anqas minn 24 siegħa biex l-għaqdiet ambjentali jressqu l-proposti lill-Gvern. Filwaqt li l-Gvern estenda ż-żmien lill-NGOs u li s-soċjetà ċivili biex iressqu l-pożizzjonijiet u l-proposti tagħhom dwar dawn il-liġijiet, xorta baqa’ għaddej bid-dibattitu u bl-approvazzjoni ta’ dawn il-liġijiet mill-istadju tat-Tieni Qari.