Lokali Parlament

Il-Parlament jerġa’ jiltaqa’ fil-5 ta’ Ottubru

Aktar minn 18,000 mistoqsija parlamentari f’din il-leġiżlatura

Il-Parlament aġġorna għall-5 ta’ Ottubru meta llejla l-Parlament waqaf għall-vaganzi tas-sajf.

Fi tmiem is-seduta tal-lejla, id-Deputat Speaker Ċensu Galea, f’isem l-Ispeaker Anġlu Farrugia li kien imsiefer fuq xogħol tal-Parlament, ingħaqad mal-ħsibiet tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fl-awgurju tagħhom għal żmien ta’ mistrieħ fix-xhur tas-sajf.

Ċensu Galea esprima l-apprezzament ukoll tax-xogħol tal-media u lil kull min jagħti servizz lill-Parlament, inkluż tal-Pulizija responsabbli mis-sigurtà tal-Parlament.

Fi statistika li tingħata qabel mal-Parlament jaġġorna għal vaganzi, irriżulta li minn meta nfetaħ il-Parlament f’din il-leġiżlatura f’April ta’ sentejn ilu, saru 259 seduta, saru 303 laqgħat tal-Kumitati Parlamentari, 43 stqarrija ministerjali u s-Sedja tat 51 deċiżjoni – medja ta’ waħda kull ħmistax il-ġurnata.

Tressqu wkoll 115-il mozzjoni fl-Ewwel Qari u kienu approvati 90 att fil-Parlament li bosta minn dawn il-liġijiet għaddew bi qbil tal-Parlament kollu. Saru wkoll aktar minn 18,000 mistoqsija parlamentari, 5,500 dokument imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra, u 216-il aġġornament b’diskorsi minn diveri membri parlamentari.

Ċensu Galea kkwota mill-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament u li kien għamel 27 sena ilu, meta kien appella lill-Grupp Parlamentari tiegħu fil-Gvern, u lill-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, biex jitneħħa l-ħela tal-ħin jekk irridu mmexxu l-poplu u nagħtu eżempju kif nittrattaw lil xulxin, fejn għandu wkoll jispikka r-rispett lejn xulxin.

Kien awgura lid-69 membru ta’ dakinhar jagħtu eżempju, u juru li rridu li Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Filwaqt li awgura lid-69 membru tal-lum ukoll jagħrfu r-responsabbiltajiet tagħhom, id-Deputat Speaker Ċensu Galea qal li d-diskors ta’ 27 sena ilu għadu japplika llum f’dan il-bini l-ġdid tal-Parlament.

Il-Whip tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, awgura vaganzi ta’ mistrieħ filwaqt li esprima wkoll ringrazzjament lill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, li fisser li bejn Gvern u Oppożizzjoni flimkien isir ħafna xogħol għalkemm ikun hemm ċirkustanzi wkoll fejn ma jkunx hemm qbil.

Filwaqt li awgura mistrieħ mis-seduti tal-Parlament, il-Whip tal-Gvern qal li tul is-sajf se jkun hemm xi seduti u xogħol tal-Kumitati Parlamentari.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius ingħaqad mal-ħsibijiet espressi mill-Whip tal-Gvern u rringrazzja wkoll lill-Ispeaker, lid-Deputat Speaker u l-istaff kollu fil-Parlament il-ġdid.

Irrimarka li fil-bini l-ġdid tal-Parlament qed “nisimgħu aktar lil xulxi” (minħabba l-istil u d-disinn tal-Kamra) iżda f’atmosfera differenti mill-Kamra tad-Deputati ta’ qabel.

Irringrazzja wkoll lill-pubbliku li qed isegwi aktar bix-xandiriet tas-seduti parlamentari u għar-rispons li kien hemm mill-pubbliku fl-open day organizzata fil-bidu ta’ Ġunju, waqt li fakkar fil-wirja ta’ Renzo Piano li se tkun qed tinfetaħ dalwaqt fil-bini tal-Parlament.

Irrimarka wkoll fuq ix-xogħol li qed tagħmel l-Oppożizzjoni, l-aktar ukoll bil-mistoqsijiet parlamentari għalkemm fisser li mhux dejjem jingħataw ir-risposti għalihom.