Lokali

Il-Prim Ministru ma jweġibx quddiem allegazzjonijiet serji dwar il-Ministru Chris Cardona

Il-Ministru Chris Cardona

Aġġornata b’filmat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li ma jweġibx quddiem allegazzjoni serja li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona qed jgħix f’appartament f’Portomaso misluf lilu mingħajr ħlas minn negozjant li huwa membru tal-familja li tifforma parti mill-konsorzju li l-gvern tal-istess Chris Cardona tah it-tender tal-bini tal-Powerstation il-ġdida.

Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami staqsa lill-Prim Ministru jekk hux se jaghmel Stqarrija Ministerjali dwar allegazzjonijiet serjissimi dwar il-Ministru Chris Cardona li kienu żvelati mill-artikolista Daphne Caruana Galizia.

Fil-Parlament, il-Viċi Kap Nazzjonalista rrefera għall-allegazzjoni li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona qed jagħmel użu minn appartament lussuż f’Portomaso li kien misluf lilu minn negozjant li huwa membru tal-familja li tifforma parti mill-konsorzju li l-gvern tal-istess Chris Cardona tah it-tender tal-bini tal-Powerstation il-ġdida.

Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru għandu jagħti tweġiba għal dawn l-allegazzjonijiet, b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt li dan il-Gvern tela’ bl-għajta ta’ responsabilità politika, trasparenza u good governance.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista fakkar ukoll li huwa impossibbli li wiehed jikri appartament fil-kumpless ta’ Portomaso b’paga ta’ Ministru.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista rrefera wkoll għat-tieni allegazzjoni tal-artikolista Daphne Caruana Galizia li tgħid li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona, fil-ħinijiet normali tax-xogħol, jiffrekwenta b’mod regolari, flimkien ma’ membri tal-istaff tiegħu, fosthom ic-Chief of Staff, il-bar Stable fil-Belt Valletta fejn huwa allegat li jiltaqgħu nies ta’ karattru dubjuż b’aġir saħansitra kriminali u fejn saħansitra huwa allegat li jsir abbuż tad-droga.

Għal dan kollu, Joseph Muscat għażel li ma jweġibx, filwaqt li l-Ministru Chris Cardona – preżenti fil-Parlament – instema’ jgħajjat “issa gejja tiegħek” fil-konfront tal-membri tal-Oppożizzjoni.

Fir-reazzjoni tiegħu għal dan il-kumment, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil talab lill-Ministru Chris Cardona biex jirtira dan il-kliem ta’ theddid u saħaq li la l-Ministru Chris Cardona u lanqas ħadd mhu se jwaqqaf lill-Oppożizzjoni mill tagħmel dmirha fil-Parlament.

Kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li fuq il-blog tagħha żvelat li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona, qed joqgħod fi flat f’Portomaso li huwa misluf lilu minn Silvan Fenech – iben Tumas Fenech. Il-familja Fenech hija waħda mill-imsieħba fil-kumpanija Electrogas Malta Limited li daħlet għall-bini tal-Powerstation il-ġdida. Il-Bank of Valletta sellef mitt miljun ewro lill-konsorzju Electrogas bil-Gvern jalloka 88 miljun ewro mill-fondi pubbliċi f’garanzija għal dan is-self għall-bini tal-powerstation il-ġdida li suppost kellha tibda taħdem f’Marzu li għadda – jiġifieri 4 xhur ilu.

L-istess artikolista żvelat ukoll li l-Ministru Chris Cardona jiffrekewenta fuq bażi regolari, flimkien ma’ membri tal-istaff tiegħu, il-bar Stables fil-Belt Valletta fejn huwa allegat li jiltaqgħu nies ta’ karattru dubjuż.

Intant, fi stqarrija maħruġa tard billejl, il-Ministeru tal-Ekonomija ċaħad l-akkużi li saru f’dan ir-rigward u qal li l-Ministru qed jippubblika l-kuntratt ta’ kiri ta’ one-bedroom flat ta’ inqas minn 100 metru kwadru f’Portomaso. L-istqarrija tgħid li dan it-tip ta’ flat huwa prezz medju għal post ta’ din it-tip u l-kuntratt daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2014, għal perjodu t’10 xhur. Ll-Ministeru qal li l-persuna li qed tikri l-flat lill-Ministru Chris Cardona mhijiex parti mill-konsorzju li għandu x’jaqsam mal-bini tal-powerstation.