Lokali

Jaqgħu bil-karozza fil-baħar; koppja tweġġa’

Ġuvni u tfajla weġġgħu meta l-karozza li kienu rekbin fiha waqgħet il-baħar. L-inċident seħħ il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart, fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Magħluq f’Marsaxlokk.

Fortunatament iż-żewġ persuni rnexxielhom joħorġu mill-karozza ftit wara li waqgħet. Huma ttieħdu l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn il-mara ġiet ċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ġuvni ġie ċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Kien għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart li l-Pulizija tad-Distrett sabu karozza tat-tip Renault Clio rasha l-isfel fil-baħar. Eventwalment ġie stabbilit li l-karozza kienet qed tinstaq mill-ġuvni ta’ 27 sena residenti Ħaż-Żabbar, filwaqt li t-tfajla ta’ 18-il sena kienet passiġġiera.

Dgħajsa fil-viċinanzi ġarrbet xi ħsarat fl-inċident. Il-każ qiegħed jiġi nvestigat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Marsaxlokk.